Futbol Sport

Ighalo kkonfermat li se jibqa’ ma’ Manchester United sal-aħħar ta’ Jannar 2021

(Ritratt: EPA)

L-aħbarijiet fil-media internazzjonali tal-aħħar jiem ġew ikkonfermati hekk kif Manchester United laħqu ftehim ma’ Shanghai Shenhua biex is-self ta’ Odion Ighalo jiġi estiż sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. Ighalo ngħaqad mar-Red Devils fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar. Fi tmien logħbiet li lagħab, hu skorja erba’ gowls qabel l-istaġun ġie sospiż minħabba l-Covid-19.

Is-self ta’ Ighalo kien jiskadi fil-31 ta’ Mejju u din l-aħbar għandha titqies pożittiva għal Ole Gunnar Solskjaer fit-tentattiv li jikseb post mal-ewwel erbgħa meta l-Premier League ikompli. Il-kuntratt eżistenti ta’ Ighalo ma’ Shanghai Shenhua jintemm f’Diċembru tal-2022 u mistenni li jiffirma kuntratt sa tmiem l-2024 b’salarju ta’ kważi €450,000 fil-ġimgħa. Is-Super League taċ-Ċina li wkoll ġie sospiż, mistenni jibda f’dan ix-xahar u b’hekk Ighalo se jitlef il-maġġoranza tal-kampjonat.

Fil-bidu l-klabb Ċiniż kien lest biss li jaċċetta li jġedded is-self, jekk ikun hemm obbligazzjoni li l-plejer jiġi trasferit b’mod permanenti għal ftit aktar minn €22 miljun. Iżda minħabba li r-restrizzjonijiet jipprojbixxu lil Ighalo milli jirritorna ċ-Ċina qabel il-bidu tal-kampjonat tagħhom, Shanghai Shenhua ħallewh jibqa’ għal aktar xhur fl-Ingilterra.