Lokali

Il-ġenituri huma ħolqa ewlenija biex insawru familji sodi u f’saħħithom

Il-ġenituri huma ħolqa ewlenija biex insawru familji sodi u f’saħħithom. Jaqdu rwol importanti fit-trobbija u fil-formazzjoni tal-ulied, speċjalment fl-ewwel snin tal-ħajja tagħhom. Huma kontributuri essenzjali wkoll biex fil-pajjiż ikollna kultura ta’ għaqda u paċi, u kontra l-vjolenza u l-vizzji.

Hekk sostna, fi stqarrija, David Agius, il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal

Matul din il-pandemija tal-COVID-19, il-ġenituri, li ħafna minnhom huma wkoll ħaddiema jew iħaddmu n-nies, kellhom jerfgħu piżijiet kbar. Riedu jlaħħqu ma’ uliedhom, mal-ħajja, u jegħlbu diffikultajiet oħrajn. Uħud minnhom spiċċaw saħansitra mingħajr impjieg, u dan kompla jgħarraq is-sitwazzjoni.

Illum in-Nazzjonijiet Maghquda qed ifakkru l-Jum Dinji għall-Ġenituri, u għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista qed iwassal messaġġ ta’ ringrazzjament għall-ħidma ta’ eluf ta’ ġenituri li jistinkaw ta’ kuljum biex irabbu lil uliedhom fl-għożża u fl-attenzjoni. Qed niftakru wkoll fi wħud minn dawn il-ġenituri li minħabba l-qagħda finanzjarja jew soċjali tagħhom, ikunu jeħtieġu l-għajnuna u l-appoġġ tagħna biex jirnexxilhom jaslu bħal ħaddieħor.

Iżda fuq kollox, qed niftakru fid-dmir tagħna l-politiċi li nfasslu politika li twieżen lill-ġenituri u ssostnihom bl-aħjar mod biex ilkoll jirnexxu. Sta għalina biex bl-għajnuna diretta u indiretta lill-ġenituri, ngħinu ħalli jkollna familji aħjar.

Il-ġenituri li qed irabbu l-familji fis-soċjetà tagħna u li qed irawmu u jindokraw il-ġenerazzjonijiet futuri, jistennew minna l-politiċi li nipprovdu edukazzjoni u taħriġ xierqa lil kulħadd, li noħolqu impjiegi u impjiegi ta’ kwalità, u li jkollna sistema tal-kura tas-saħħa adegwata. Jistennew minna li noħolqu ambjent u miżuri biex ikollhom introjtu diċenti u biex jirnexxilhom isibu bilanċ ġust bejn il-ħajja u x-xogħol tagħhom.