Coronavirus Edukazzjoni Lokali

“Il-Gvern ma tana ebda għajnuna”

Diversi impjegati li jaħdmu mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi jinsabu rrabjati ferm għall-Gvern peress li ma ngħataw ebda għajnuna finanzjarja waqt il-kiriżi tal-COVID.

Ħaddiema li tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet tagħna stqarrew li qed iħossuhom minsijin u mwarrba minħabba l-fatt li dawn prattikamement ngħataw il-ġenb u ntesew.

Qabel ma faqqgħet din il-pandemija, dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu fuq bażi parti time… għoxrin siegħa fil-ġimgħa. Ix-xogħol tagħhom kien ta’ play workers mal-istudenti ta’ Klabb 3-16.

Iżda hekk kif ingħalqu l-iskejjel dawn spiċċaw jaħdmu biss għal madwar 4 sigħat fil-ġimgħa… bil-bqija tas-sigħat jinqatgħu mil-leave.

Peress li dawn il-persuni jaħdmu fuq bażi part time l-ammont ta’ leave li huma intitolati għalih huwa biss ta’ ftit sigħat. Għalhekk, wara l-ewwel xahar dawn spiċċaw mingħajr ebda dħul.

Jidher li dawn il-play workers talbu biex tinħarġilhom it-termination letter tal-impjieg tagħom, iżda l-Gvern baqa’ jwebbes rasu biex din ma tingħatax, bil-konsegwenza li ma setgħux imorru jirreġistraw u japplikaw għall-benefiċċju tal-qgħad.

It-tħassib tagħhom hu li għalkemm kollox jindika li SkolaSajf se terġa’ tiftaħ mill-ewwel ta’ Lulju, ħafna minnhom se jispiċċaw bla xogħol peress li n-numru ta’ applikazzjonijiet għal SkolaSajf naqas b’mod drastiku.