Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Partit Laburista jerġa’ juri kemm hu maqtugħ mill-uġigħ tal-ħaddiema – PN

Il-Partit Laburista tant huwa maqtugħ mir-realtà li lanqas biss jaf kemm hawn persuni li spiċċaw bla xogħol. Wara li l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, meta kien mistoqsi, kien wera li ma kienx jaf kemm huwa l-ammont tal-persuni bla xogħol, illum żewġ deputati oħra Laburisti Clayton Bartolo u Ian Castaldi Paris urew li lanqas huma ma jafu eżatt meta kkwotaw numru żbaljati. Dan meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-istatistika li ppubblika l-ġimgħa li għaddiet juru iswed fuq l-abjad li l-ammont tal-persuni bla xogħol jammonta għal 10,816. Kważi tlett darbiet iktar iċ-ċifra li kkwotaw id-deputati Laburisti.

Dan kollu juri kemm il-Partit Laburista lanqas biss jaf kemm hawn nies bla xogħol aħseb u ara kemm hu verament ippreparat biex jgħin lil dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom li qegħdin jgħaddu minn diffikultajiet kbar waqt dan iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19. Din l-insensittività tidher ukoll meta l-Partit Laburista fil-Gvern kien selettiv lil min se jgħin fl-pandemija u 110,000 ħaddiem u l-familji tagħhom ħallihom bla għajnuna. Wieħed kien jistenna li Clayton Bartolo u Ian Castaldi Paris illum iħabbru kif se jgħinu lil dawn il-11,000 persuna bla xogħol u mhux biss, jħabbru wkoll l-għajnuna lill-eluf kbar ta’ ħaddiema oħra li l-Gvern Laburista ma tahomx l-għajnuna.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi ta’ kull persuna li qed tbati u ssofri u li trid tara kif se jirnexxilha tasal sal-aħħar tax-xahar, li m’għandhiex saqaf fuq rasha, li m’għandhiex garanzija tax-xogħol f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19.