Futbol Sport

Leipzig waħedhom fit-tielet post b’rebħa fuq Köln

(Ritratt: EPA)

Leipzig reġgħu jinsabu waħedhom fit-tielet post wara rebħa ta’ 4-2 kontra Köln. Din ir-rebħa fissret ritorn għar-rebħ għalihom wara li kienu miżmuma 2-2 kontra Hertha Berlin fl-aħħar logħba tagħhom.

Köln fetħu l-iskor wara tmien minuti meta minn moviment tajjeb ta’ Elvis Rexhbecaj, ix-xutt finali ġie salvat, il-ballun ħabat mal-wieqfa u spiċċa għand JHON CORDOBA li skorja mir-rebound. Leipzig ġabu d-draw fl-20 minuta bi kross ta’ Angelo jsib lill-attakkant PATRIK SHICK li skorja b’daqqa ta’ ras. It-tim ta’ Julian Nagelsmann mar fil-vantaġġ fit-38 minuta b’passaġġ vertikali ta’ Konrad Laimer lejn CHRISTOPHER NKUNKU li minn pożizzjoni tajba qabbeż il-ballun wara Timo Horn.

L-iskor sar 3-1 fil-50 minuta f’kontrattakk mill-aqwa. Minn free-kick ta’ Cologne, il-gowlkiper Peter Gulacsi qabad il-ballun u mill-ewwel tefa’ l-ballun lejn TIMO WERNER li avvanza waħdu minn nofs pitch u ma kellux problema li jiskorja minn pożizzjoni favorevoli. Köln naqqsu d-distakk ħames minuti wara b’azzjoni personali ta’ ANTHONY MODESTE li għeleb lil Gulacsi b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa. Iżda reazzjoni immedjata ta’ Leipzig wasslet biex reġgħu rduppjaw il-vantaġġ żewġ minuti wara b’xutt ta’ DANIEL OLMO minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.