Il-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista (FOIPN) fl-okkażjoni tal-jum iddedikat għall-ġenituri jixtieq isellem lill-ġenituri kollha. Tajjeb insellmu lil ħafna ġenituri li bi mħabba kbira u b’sens ta’ dover irabbu lil uliedhom. Insellmu wkoll lil dawk il-ġenituri anzjani, li wara li rabbew lil uliedhom, issa qegħdin jgħinu fit-trobbija tan-neputijiet tagħhom, sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jlaħħqu wkoll max-xogħol tagħhom. Żgur li dawn il-ġenituri nanniet huma ta’ għajnuna kbira.
F’dan il-jum huwa importanti tajjeb li nsellmu lill-ġenituri adottivi li bi mħabba kbira jrabbu tfal imwielda minn ġenituri oħrajn iżda li huma jikkunsidraw bħala tagħhom. Dan huwa ġest nobbli għal tfal li kieku jkollhom jgħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll lill-foster parents li qegħdin irabbu tfal ta’ ħaddieħor għal perjodu importanti fl-iżvilupp tagħhom. Dawn jagħmluha ta’ ġenituri għal tfal minn ambjenti ta’ sfidi kbar, imma bi mħabba kbira huma jagħtuhom dak kollu li jeħtieġu.
Li tkun ġenitur mhijiex xi ħaġa faċli, iżda hija vokazzjoni li tissarraf f’ħafna mħabba u altruwiżmu. Għaldaqstant, il-FOIPN jappella li l-ġenituri, li huma s-sisien tal-istituzzjoni l-iktar importanti fis-socjetà, il-familja, mhux biss jingħataw tifħir u apprezzament f’dan il-jum, iżda għandhom jingħataw kull appoġġ mill-awtoritajiet fil-ħidma tagħhom, b’mod partikolari meta qegħdin ngħixu żminijiet ta’ sfidi kbar.


