Futbol Sport

Nadur Youngsters ippreżentati bit-trofew bħala Champions tal-futbol Għawdxi

Nadur Youngsters ġew ippreżentati bit-trofew bħala rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni f’ċerimonja differenti minn dak li s-soltu mdorrijin. Il-preżentazzjoni saret skont ir-restrizzjonijiet mill-awtoritajiet tas-Saħħa, jiġifieri bi grupp ta’ mhux aktar minn sitt persuni filwaqt li nżammet id-distanza soċjali. Il-President tal-Gozo Football Association Samuel Azzopardi ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Nadur Youngsters Shaun Attard, fil-preżenza tal-President u s-Segretarju tal-klabb Joseph Portelli u Jean Pierre Saliba rispettivament kif ukoll ta’ Horace Laudi f’isem il-Bank of Valletta.

Wara li l-kampjonat kellu jitwaqqaf minħabba l-Covid-19, il-Kunsill tal-GFA kien iddeċieda li jżomm il-klassifika attwali wara vot straordinarju. It-timijiet kollha b’eċċezzjoni ta’ Oratory Youths ivvutaw favur. Nadur ġew ikkonfermati Champions wara vot fil-Kunsill tal-MFA ġimgħa ilu. Dan minħabba li peress li l-Gozo Football Association hi assoċjazzjoni membru, kellha tistenna ratifika mill-MFA. Il-vot għadda b’76% favur, liema vot ikkonferma wkoll li Għarb Rangers ma kinux se jkunu relegati mill-Ewwel Diviżjoni filwaqt li Sannat Lions u Oratory Youths ġew promossi mit-Tieni Diviżjoni.

Dan hu l-ewwel titlu ta’ Nadur Youngsters mill-istaġun 2012/13. Nadur kien qed ikollhom staġun mill-aqwa u kieku lagħbu s-sitt logħbiet li kien fadlilhom, bi probabbiltà kbira kienu jirbħu l-kampjonat. Wara 15-il logħba, it-tim immexxi minn Mark Buttigieg rebaħ 14-il logħba u tilef logħba biss filwaqt li skorjaw 48 gowl u sofrew sitt gowls. Huma kellhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq Xewkija Tigers. Aktar kmieni f’dan l-istaġun, Nadur rebħu wkoll it-Tazza GFA.