Coronavirus Sport Sport Ieħor

Titħassar ukoll il-Grand Prix tal-Moto GP fil-Ġappun

(Ritratt: EPA)

Għall-ewwel darba mill-1986, l-istaġun tal-Moto GP mhux se jkollu tellieqa fil-Ġappun wara li l-organizzaturi ħabbru li kkanċellaw it-tellieqa tat-18 ta’ Ottubru minħabba l-coronavirus. It-tellieqa hi speċjali minħabba li ssir f’dar iċ-champions Honda kif ukoll il-manifatturi Yamaha u Suzuki li wkoll huma Ġappuniżi.

Carmelo Ezpeleta, Kap Eżekuttiv tal-promoturi Dorna, qal fi stqarrija li teżisti mira li jsiru kemm jista’ jkun tlielaq fl-Ewropa sa nofs Novembru. Hu żied li t-tlielaq barra mill-Ewropa għandhom ikunu skedati għal wara nofs Novembru u jkun tard wisq għalihom biex jorganizzaw il-Grand Prix tal-Ġappun.

Il-President tal-Korporazzjoni Mobilityland Kaoru Tanaka qal li s-sitwazzjoni fil-Ġappun u fl-Ewropa hi wisq imprevedibbli. Tanaka żied li l-fatt li qed jistennew li tiżdied is-sospensjoni tal-ivvjaġġar internazzjonali, kompla jagħmilha diffiċli biex il-Grand Prix tkun tista’ ssir.

It-tellieqa tal-Ġappun hi s-sitt waħda li tħassret f’dan l-istaġun wara t-tlielaq tal-Ġermanja, l-Olanda, il-Finlandja, ir-Renju Unit u l-Awstralja. Dan minbarra li t-tlielaq ta’ Franza, l-Italja u l-Katalunja ġew posposti. It-tmexxija tal-Moto GP qed tittama li tibda l-istaġun fi Spanja fiċ-ċirkwit ta’ Jerez f’Lulju.