Qorti

Instab mobile ta’ Chris Cardona fil-baħar fejn l-imħażen fil-Marsa

Instab mobile ta’ Chris Cardona fejn l-imħażen tal-Marsa waqt li kienet saret tfittxija mill-Pulizija li kienet wasslet għall-arrest ta’ tliet irġiel li ġew ukoll akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sadanittant l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien ukoll jiffrekwenta r-razzett ta’ Yorgen Fenech.

Meta komplew jinstemgħu aktar recordings ta’ Melvin Thuema fosthom ta’ meta huwa kien ikun fil-kumpanija ta’ Yorgen Fenech fosthom fir-razzett tal-istess Fenech, f’Ħaż-Żebbuġ, ħareġ li Theuma kien staqsa lil Yorgen Fenech kif kien jaf li kien instab ‘mobile ta’ Cardona fil-baħar’ fil-Marsa u jekk kienx qallu Keith Schembri dwar din is-sejba.

Dwar dan ma jiftakarx eżatt x’ kien wieġbu, jiftakar iżda li hu (Melvin) kien staqsih jekk kienux ramewh, u Yorgen wieġbu, xi ħaġa jagħmlu, ”għax kieku jaqa’ l-Gvern, dawn ħwejjeġ serji ” 

Huwa qal li kien Yorgen Fenech stess li qallu li kienu sabu l-mobile tal-eks Ministru. Kien qallu wkoll li Chris Cardona tant kien qed jinkwieta fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-eks Ministru tal-Ekonomija kien spiċċa l-isptar wara li bela’ xi pilloli.

Xehed ukoll li Fenech qallu li meta l-aħwa Degiorgio kienu fil-vann tal-ħabs, wara smigħ wieħed fil-Qorti, il-gwardjani rrekordjaw lill-aħwa jgħidu li kienu se jimplikaw lil Chris Cardona f’dan kollu.

Qal ukoll li jew Yorgen Fenech jew Johann Cremona kienu wrewh ritratt ta’ persuna li kienet trasferiet il-flus mingħand Chris Cardona għal għand il-Fulu. Theuma qal li hu ma jafx min kienet il-persuna imma qalulu li l-isem tal-persuna kien jibda bl-ittra B.

Theuma semma wkoll lill-Avukat David Gatt li kien jaħdem fl-ufiċċju ta’ Chris Cardona u dan kien qallu li jekk l-aħwa Degiorgio isemmu lil Chris Cardona, hu (Gatt) kien ikun lest li joqtolhom.

Sadanittant Yorgen Fenech qallu li Chris Cardona kien jitkellem ħafna ma’ Alfred Degorgio, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din il-konverżazzjoni saret wara l-qtil ta’ Daphne.

Fir-recordings li xejn ma huma ċari kellhom x’jaqsmu ma inkontru li kien hemm bejn Melvin Thuema u Yorgen Fenech fejn kien hemm preżenti wkoll il-mara ta’ Fenech u beda jinstema l-ħin kollu kelb jinbaħ.

Dan kollu ħareġ mix-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-kumpilazzjoni li saret  fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Theuma l-middleman f’dan l-omiċidju kien ingħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia  fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Theuma qal li huwa kien qed jibża’ mill-fatt li ma kien qed jissemma xejn, qiesu kien miet kollox għax hu ma bediex iħossu komdu u beda jibża’. Huwa kien staqsih ukoll jekk setax jirranġa xi ħaġa, u li Fenech qallu li kien qed ikun wisq għaġeb.

Theuma saħaq li f’dan il-punt beda jkun ossessjonat li kien se jiġi tradut, anke minħabba li qal li huwa ma kienx jaf lil Valletta u kien rah biss fuq it-TV. Theuma kkonferma wkoll li darba minnhom kien ra lil Silvio Valletta fir-razzett ta’ Yorgen Fenech.

Theuma semma wkoll fix-xhieda l-ammont ta’ €350,000 li kien semma miegħu Johann Cremona, li dawn kellhom jingħataw lil Fulu u lil xi ħadd ieħor li ma jafx min hu li jista’ jkun involut.

Fil-kumpilazzjoni li kienet qed titkompla quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Theuma kien xehed ukoll fit-13 ta’ Frar li għadda u kellu jkompli jixhed fit-23 ta’ Marzu li għadda, iżda wara l-ħruġ ta’ Avviż Legali li kien pubblikat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fis-7 ta’ Marzu, kawża tal-pandemija tal-COVID-19, is-seduta tħassret.

Sadanittant nhar il-Ġimgħa l-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff iddikjarat li nkisru d-drittijiet ta’ Yorgen Fenech minħabba li l-kawżi tiegħu  ġew posposti wara l-ħruġ  ta’ Avviż Legali tas-Supretendent Charmaine Gauci minħbabba l- COVID-19.

Il-Qorti qalet li r-restrizzjonijiet tal-pandemija tawlu l-proċess fil-każ tiegħu u għalhekk d-drittijiet tiegħu ġew mittiefesa u kien ordnat li l-kumpilazzjoni tkompli immedjatament.

Minn qabel u waqt il-pandemija saru diversi talbiet għal libertà proviżorja ta’ Yorgen Fenech li kollha ġew miċħuda. Yorgen Fenech kien tressaq il-Qorti fit-30 ta’ Novembru li għadda.

Yorgen Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubai 17 Black kien għamel ukoll tliet talbiet għal maħfra Presidenzjali, li kienu kollha miċħuda. Fenech qed iwieġeb mhux ħati li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat. Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, huwa jista’ jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs.

Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba  viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti fis-seduti preċedenti permezz tax-xhieda tas-sensar tal-assassinju, Melvin Theuma, Fenech allegatament  ħallas lit-tliet aħwa €250,000 biex iwettqu l-qtil.  

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jidher bħala parti ċivili f’isem il-familja ta’ Caruana Galizia.  L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, li qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn, 8 ta’ Ġunju fid-9.00am.