Lokali

AĠĠORNATA: Protesta mill-immigranti fil-Marsa teskala għal aggressjoni fuq il-Pulizija

Protesta li saret mill-immigranti irregolari fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa spiċċat ħarbet mill-kontroll, b’Pulizija aggrediti u imbuttati ‘il barra miċ-Ċentru.

L-immigranti bdew jgħajtu għal-libertà, anke fil-preżenza ta’ Uffiċjali tal-Aġenzija tal-Ażil (AWAS), li waslu fil-post bit-tama li jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Maul il-protesta, wieħed mill-immigranti sofra xi ksur f’saqajh wara li qabeż għal ġol-kanal tal-ilma li hemm barra ċ-Ċentru. Hu weġġa’ minħabba li l-livell tal-ilma kien baxx ħafna.

Għaldaqstant, minbarra Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit, fil-post wasal ukoll tim mediku b’Ambulanza. Madankollu, l-immigrant ferut ma riedx jidħol fl-Ambulanza, b’membri tal-Korp tal-Pulizija ntalbu jidħlu biex ikellmuh.

Kien f’dan il-waqt li l-protesta eskalat, tant li l-Pulizija spiċċaw imbuttati mill-immigranti irregolari sakemm inħarġu barra miż-żona. Hu mifhum li dan seħħ għax l-immigrant ferut baqa’ jinsisti li ma jmurx l-Isptar għall-kura u dan sab l-appoġġ tar-residenti l-oħrajn.

Persuni li tkellmu ma’ NET News spjegaw li protesti bħal din qed isiru b’mod regolari ħafna. Dan hekk kif ir-residenti qed iħossuhom urtati li jibqgħu magħluqin għal tul ta’ żmien – uħud minnhom saħansitra għal snin.

Għalkemm iċ-Ċentru hu Miftuħ – u għalhekk, l-immigranti residenti jistgħu joħorġu – hemm uhud mill-immigranti li ma jistgħux joħorġu mill-post, ghaliex jinsabu f’detenzjoni.