Lokali Saħħa

Aktar tobba jgħidu li l-kummenti tal-Prim Ministru kienu prematuri

"Ħadd ma jista' jeskludi żieda fil-każi ġodda"

Wara li fl-aħħar sigħat, diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet mediċi kritikaw l-atitudni tal-Prim Ministru, u l-kliem li jidher li jxejjen xogħol is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, issa anke l-Kulleġġ tal-Patoloġist fi stqarrija ddeskrivew bħala ‘prematuri’ l-istqarrijiet tal-Prim Ministru.

Il-Kulleġġ kien qed jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ filgħaxija fejn Robert Abela qal li kull min qal li kien se jkolna t-tieni mewġa jew li se jkolna aktar każi kien żbaljat.

Fl-istqarrija tagħhom, it-tobba wissew li ma hemm l-ebda garanzija li t-tieni mewġa mhux se tolqotna.

It-tobba qalu li stqarrijiet ta’ dan it-tip f’dan l-istadju huma prematuri u li jistgħu ixejnu l-isforzi kbar li saru mill-poplu kollu u li wasslu għat-tnaqqis tal-firxa tal-virus f’Malta. Huma komplew jgħidu li kliem bħal dan minn politiċi jagħtu sens falz ta’ sigurtà u jdgħajfu l-isforzi tal-pubbliku li jżomm mal-miżuri li sa issa kienu effettivi.

L-istqarrija tgħid li ma jistgħux jenfasizzaw iżżejjed il-fatt li pajjiżna m’għandu l-ebda garanzija li mhux se jkollu t-tieni mewġa. Aktar minn hekk, din hi kwestjoni ta’ meta u mhux jekk, jekk ma jibqgħux jinżammu d-distanzia soċjali. Xi ħaġa li diġa ġrat f’pajjiżi oħra hekk kif irrilaxxaw il-miżuri tad-distanzi soċjali.

Statistika turi li l-virus għadu preżenti fil-popolazzjoni u jerġa jirvilla jekk ikollu ċertu kundizzjonijiet.

Filwaqt li jifhem il-bżonn ta’ bilanċ bejn ekonomija u saħħa, dan jista’ jseħħ biss permezz ta’ konsultazzjoni bejn il-partijiet kollha.

Hu kruċjali li kwalunkwe rilaxx ta’ miżuri jsiru biss abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet xjentifiċi u pass pass sabiex ikun hemm ċans li tibqa’ tiġi analizzata l-imxijja biex b’hekk tkun tista’ titreġġa lura kull bidla li sseħħ fil-firxa tal-virus.

L-istqarrija ttemm b’messaġġ ta’ twissija li tkun verament traġedja jekk deċizjonijiet li jittieħdu minn politiċi mingħajr pariri tal-esperti mediċi, jwasslu biex jixxejjen għal kollox ix-xogħol li sar biex titrażżan il-firxa tal-Covid-19.