Futbol Sport

Andrè Schembri jibda l-karriera ta’ kowċ ma’ Apollon Limassol

L-eks plejer internazzjonali Malti Andrè Schembri se jkun qed jibda paġna ġdida fil-karriera tiegħu hekk kif fuq il-paġna tiegħu fuq facebook ħabbar li se jirritorna ma’ Apollon Limassol bħala kowċ ta’ taħt il-15-il sena.

“Kuntent li rritornajt fil-belt li adottat lili u l-familja tiegħi. Il-kowċing dejjem kien il-pass naturali li jmiss fil-futbol u jien kuntent li ksibt dan iċ-ċans. Ivvjaġġajt, lgħabt, studjajt u għamilt ħafna eżamijiet, imma ftit mill-passat tiegħi se jgħodd f’din it-triq ġdida. Ninsab ħerqan li nimpenja ruħi u nibni l-karriera ta’ kowċ minn isfel għal fuq. Grazzi Apollon FC, ninsab lura,” kiteb Schembri fuq il-profil tiegħu.

Andrè Schembri lagħab ma’ Apollon Limassol fil-Kampjonat Ċiprijott fl-istaġun 2017/18 u 2018/19. Magħhom irnexxielu jilgħab fil-gruppi tal-UEFA Europa League u anki skorja kontra Atalanta biex sar l-ewwel plejer Malti li skorja f’dan il-livell. Mal-klabb Ċiprijott rebaħ is-Super Cup. Schembri temm il-karriera bħala plejer fl-14 ta’ Marzu li għadda fil-kampjonat Indjan ma’ Chennaiyin, inċidentalment ftit jiem qabel il-futbol dinji kellu jieqaf minħabba l-coronavirus.