Lokali Parlament

Approvata l-Liġi tas-Sammaritan it-Tajjeb

Liġi mressqa kollha mill-PN

Il-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet approva l-liġi mressqa mid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech; liema liġi tressqet biex temenda l-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi Kriminali biex jipprovdi għall-immunità mir-responsabbiltà f’każijiet ta’ salvataġġ jew tentattiv ta’ salvataġġ.

L-iskop wara din il-liġi hu li jiddaħħal il-kunċett tas-Sammaritan it-Tajjeb u biex kull persuna li twettaq salvataġġ u tgħin lil ħaddieħor m’għandha tkun responsabbli għall-ebda dannu bbażat waqt dak is-salvataġġ lil persuna fil-bżonn lil propjetà tagħha jew lil terzi jew lil propjetà tagħhom.

Il-liġi tispeċifika li l-persuna li twettaq is-salvataġġ tista’ tkun responsabbli għal atti mwettqa b’negliġenza kbira u intenzjonata. Kull persuna li tgħin lil ħaddieħor għandu jkollha d-dritt li titlob mingħand il-vittma, id-danni attwali sostnuti lill-persuna tagħha jew lill-propjetà tagħha waqt is-slavataġġ, jekk is-sitwazzjoni tkun irriżultat minn atti li jkunu imputabbli lill-vittma.

Fejn ma jkunx ċar li s-sitwazzjoni irriżultat minn atti imputabbli lill-vittma, bħal fil-każ ta’ inċident tat-traffiku, ir-responsabbiltà tal-prova tat-tort tal-vittma taqa’ fuq il-persuna li tkun wettqet l-att ta’ salvataġġ.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li permezz ta’ din il-liġi l-persuni li ajgħtu l-għajnuna ma jkollhom problema li jistgħu jiffaċċjaw proċeduri kriminali ħlief f’każi fejn il-persuna li tgħin tkun aġixxiet b’mod irresponsabbli.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li dan hu abbozz pożittiv li dwaru hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Hu qal li dan hu kunċett tajjeb li jista jseħħ fl-iskejjel fejn l-għalliema jkollhom ċirkostanzi fejn iridu jgħinu iżda joqgħodu lura minħabba responsabbiltajiet legali. Il-Ministru Zammit Lewis staqsa jekk dan l-att jgħoddx ukoll għall-membri tal-FAM.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Gerch qal li l-abbozz ma jagħmilx distinzjoni bejn professjoni u kariga. F’pajjiżi barranin iċ-ċittadini huma obbligati li jgħinu jekk ikun hemm persuni fil-periklu.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li kulħadd għandu jkun protett b’dan l-abbozz.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li din hi l-ewwel darba f’din il-leġiżlatura li l-Oppożizzjoni qed tressaq abbozz u għalhekk dan għandu jkun rikonoxxut.