Internazzjonali

Covid-19…L-aħħar żviluppi fil-pandemija

Il-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti fi Franza qegħdin jiftħu għall-ewwel darba mindu daħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ emerġenza għal kontra l-firxa tal-Covid-19 fil-pajjiż. Intant, fi Franza, qed tibda ‘fażi tnejn’ tal-programm għat-tnaqqis tal-miżuri, b’dawn jinkludu tmiem għal direttiva li, għal ġimgħat, kienet tillimita l-ivvjaġġar sa massimu ta’ 100 kilometru.

L-Indja reġistrat qabża ġdida rekord fl-ammont ta’ infezzjonijiet – 8,392 – għal ġurnata waħda. Dan waqt li l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż bit-tieni l-akbar popolazzjoni fid-dinja qed ikomplu jnaqqsu mir-restrizzjonijiet. L-Indja, sallum, irrappurtat 190,000 infezzjoni bil-Covid-19 li jinkludu madwar 5,400 mewta.

Il-Messiku konferma li n-numru ta’ vittmi tal-Covid-19 f’artu issa qabeż l-10,000.

Fl-Awstralja, l-uffiċjali konfermaw li r-raġel ikkunsidrat bħala ‘l-iżgħar vittma tal-Covid-19’ fil-pajjiż, fil-fatt, ma kienx infettat bil-coronavirus ġdid.

Fl-Olanda, l-istudenti tal-iskejjel sekondarji rritornaw mill-ġdid għal-lezzjonijiet, bl-awtoritajiet fil-qasam tal-edukazzjoni qegħdin jinfurzaw ir-regoli għal distanzi soċjali.

Madwar id-dinja hemm talanqas 6.2 miljun każi konfermati tal-Covid-19 u 375,000 mewta relatata – b’dawn iċ-ċifri mistennija jinbidlu minn ħin għall-ieħor.