Wara l-konferenza tal-aħbarijet tal-Prim Ministru Robert Abela il-Kulleġġ tal-Patoloġisti wissa li ma hemm l-ebda garanzija li t-tieni mewġa mhux se tolqotna.
It-tobba qalu dan fi stqarrija, fejn insistew li dikjarazzjonijiet bhal dawk li qed jaghmel il-Prim Ministru huma prematuri f’dan l-istadju, u li jistgħu ixejnu l-isforzi kbar li saru mill-poplu kollu u li wasslu għat-tnaqqis tal-firxa tal-virus f’Malta. Huma komplew jgħidu li kliem bħal dan minn politiċi jagħti sens falz ta’ sigurtà u jdgħajfu l-isforzi tal-pubbliku li jżomm mal-miżuri li sa issa kienu effettivi.
Il-kritika ġiet wara li Robert Abela qal li dawk kollha li bassru żieda fil-każi, issa ġew pruvati li kienu żbaljati.
Reazzjoni oħra waslet mill-Kamra tal-Kummerċ illi minkejja li esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li aktar negozji se jkunu qed jerġgħu jiftħu, ikkritikat il-fatt li l-Prim Ministru ħalla lin-negozji u l-investituri fil-għama u bla gwida ta’ xejn dwar kif se jkunu qegħdin joperaw minn tlett ijiem oħra ‘l quddiem.
Intant, l-għada li thabbar illi se jitneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha, l-avviżi legali marbuta ma’ dawn il-miżuri bagqħu ma nbidlux.
Il-konferenza ta’ Kastilja kienet immarkata wkoll minn toni differenti kompleament u filwaqt li l-Prim Ministru ta l-impressjoni li issa kollox għadda, u rrepeta l-kelma normalità diversi drabi, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika użat ton differenti u għamlitha ċara li dan għadu l-istess virus, u li rridu nibqgħu inżommu mal-miżuri tad-distanza soċjali u l-użu tal-maskri.
Fost il-miżuri li tħabbru, kien hemm l-aħbar li mill-1 ta’ Lulju se jerġa jiftaħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bil-Prim Ministru jgħid li Malta se tiftaħ il-bibien tagħha għal 19-il destinazzjoni.
Madankollu Net News jinsab infurmat li tal-anqas tnejn mill-pajjiżi li semma l-Prim Ministru mhux se jkunu qed jilqgħu turisti Maltin matul ix-xhur tas-Sajf. Id-Danimarka u l-Bulgarija filfatt mhux se jkunu qed jaċċettaw jew joperaw titjiriet minn pajjiżna, u l-linji tal-ajru Air Baltic, Qatar Airways, Eurowings u Lauda Air mhux se jkunu qed joperaw lejn pajjiżna.
Kollox ma kollox, jibqa’ l-fatt illi ħafna baqgħu ma fehmux eżatt x’inbidel, u oħrajn qed jgħidu li kienu konfużi dwar jekk kienx għadda l-virus jew le.
//= $special ?>