Coronavirus Lokali Saħħa

“Huwa prematur li ngħidu li għelibna l-virus” – MFPA

Il-professjonisti jappellaw lill-Gvern biex iġib is-saħħa tal-poplu l-ewwel

“Huwa prematur li ngħidu li għelibna l-virus”. Dan sostnietu l-Malta Federation of Professional Associations, l-MFPA fejn fi stqarrija spjegat l-inkwiet tagħha rigward dak li ntqal fl-aħħar jiem mill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-professjonisti saħqu li fl-aħħar ġimgħat l-Awtoritajiet tas-Saħħa għamlu minn kollox sabiex jikkumbattu l-pandemija tal-Covid-19 b’kisbiet eċċezzjonali grazzi wkoll għall-koperazzjoni tal-pubbliku.

Madanakollu l-Federazzjoni sostniet li l-evidenza qed turi biċ-ċar li l-virus għadu magħna u għaldaqstant huwa prematur ngħidu li l-Covid-19 huwa xi ħaġa tal-passat.

Ingħad li ċertu messaġġi jagħtu l-illużjoni lill-pubbliku li kollox huwa normali u b’hekk nirriskjaw li nitilfu dak kollu li ħdimna għalieh b’tant għaqal. L-Assoċjazzjonijiet saħqu li l-ekonomija b’saħħitha hija imporanti madanakollu din żgur ma tinkisibx jekk il-poplu ma jkunx salvagwardat.

Appellaw ukoll sabiex l-esperti mediċi ma jkollhom l-ebda interferenza u indħil fl-evalwazzjoni tagħhom l-għaliex dan, kompliet l-MFPA, taf twassal għal disservizz lill-pajjiż.

Għaldaqstant il-professjonisti appellaw lill-Gvern sabiex isegwi l-pariri tal-esperti u ma jikkompromettix is-saħħa tal-Għawdxin u l-Maltin.

Din l-istqarrija inħarġet f’isem l-Assoċjazzjonijiet segwenti.;
Association of Podiatrists of Malta,
– Association of Speech-Language Pathologists,
– Chamber of Engineers,
– Dental Association of Malta,

– Kamra tal-Periti,
Malta Association of Counselling for Professions,
– Medical Association of Malta,
– Malta Association of Occupational Therapists,
– Malta Association of Physiotherapists,
– Malta Association of Professional Conservators and Restorers,
– Maltese Association of Social Workers,
– Maltese Association of Youth Workers,
– Malta Chamber of Pharmacists,
– Malta Chamber of Psychologists,
– Malta Institute of Accountants,
– Malta Veterinary Association,
– Society of Medical Radiographers.