Coronavirus Lokali

Tikber il-konfużjoni…jidher li l-Ministeru tas-Saħħa poġġa dokument li se jiskadi f’jumejn

Dokument mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru jxejjen id-diskors ta' normalità tal-Prim Ministru

Dokument maħruġ mill-Uffiċju tad-Deputat Prim Ministru ftit tal-ħin ilu reġa’ ħoloq konfużjoni sħiħa għal dawk meqjusa bħala vulnerabbli.

Id-dokument elenka lista sħiħa ta’ attivitajiet li se jibqgħu meqjusa bħala ta’ riskju għoli għal persuni li għandhom xi kundizzjoni medika jew għandhom ‘il fuq minn 65 sena.

Madankollu minkejja li d-dokument tpoġġa fl-aħħar ħin, u jirreferi għar-rilaxx ta’ miżuri mħabbra t-Tnejn, issa jidher li dan jiskadi fi żmien jumejn, jiġifieri ma jibqax validu minn nhar il-Ġimgħa ‘l quddiem.

Id-dokument ġie ppubblikat fuq is-sit tad-Deputat Prim Ministru. Minkejja li Netnews.com.mt tella’ artiklu dwar dawn il-linji gwida ġodda, ħadd mill-awtoritajiet ma kkuntattjana biex jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li dawn il-linji gwida se jkunu validi għal biss 48 siegħa. Mhux magħruf eżatt x’kien l-iskop ta’ dan id-dokument.

Fost affarijiet oħra, id-dokument jgħid li persuni vulnerabbli, fosthom dawk ta’ ‘l fuq minn 65 sena, nisa tqal li qabżu t-28 ġimgħa tqala, nisa li għadhom kemm welldu u trabi ta’ inqas minn xahar, u persuni b’kundizzjonijiet kroniċi ta’ saħħa għandhom jibqgħu id-dar.

“L-aqwa mod kif persuna vulnerabbli tista’ tevita li tieħu l-Coronavirus huwa billi tibqa’ d-dar u tevita ħruġ bla bżonn”

Attivatijiet li huma meqjusa bħala ta’ riskju għoli ħafna hemm li dawn il-persuni jiltaqgħu ma’ familjari tagħhom.

Meqjusa ta’ riskju wkoll huma ħarġiet lejni il-baħar jew ristoranti jew kafetteriji, Quddies fuq ġewwa, jew li jmorru gyms, bars, każini, attivitajiet pubbliċi jew li jsiefru, kif ukoll li tfal vulnerabbli jattendu skejjel jew childcare centres.

Attivitajiet li huma ta’ inqas riskju huma l-ivvjaġġar bil-vapur t’Għawdex, xiri minn ħwienet, attivitajiet f’teatri jew ċinema miftuħa, Quddies fil-beraħ u l-użu ta’ pixxini fil-miftuħ.

Dawk l-attiviatjiet li huma meqjusa ta’ periklu medju huma l-użu ta’ servizzi ta’ nail techicians, hairdressers u terapisti tas-sbuħija. l-użu ta’ ristoranti u kafetterija fil-miftuħ, kif ukoll facilitajiet sportivi fil-beraħ.

L-attivitajiet differenti skont il-livell ta’ riskju

Minkejja li l-ivvjaġġar lejn Għawdex mhux meqjus bħala ta’ periklu, persuni vulnerabbli qed jiġu mħeġġa biex ma joqgħodux f’lukandi jew appartamenti.

Id-dokument jisħaq li għadu mhux suġġerit li anzjani u nies vulnerabbli jkunu ma’ membri tal-familja, inkluż tfal żgħar.

Id-dokument jgħid li minkejja r-rilaxx li ġie mħabbar ilbieraħ, ir-riskju ta’ infezzjoni bil-virus għadu hemm għal kulħadd, u li għandha tittieħed kull prekawzjoni biex tkun evitata l-infezzjoni. Il-vulernabbli għandhom joqgħodu aktar w’aktar attenti.

Dan id-dokument jidher li jikkuntrasta sew mad-diskors ta’ normalità li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru. L-istess Prim Ministru lbieraħ qal li kulħadd għandu jirritorna lura għax-xogħol. Imma dan id-dokument jgħid li biex wieħed ikun ċert li ma jlaqqatx il-virus, għandu jevita li joħroġ bla bżonn. Madankollu, dawn il-linji gwida huma validi biss sal-Ħamis.