Lokali

Il-Forum Unions Maltin takkuża lill-Gvern b’nuqqas ta’ konsultazzjoni

Il-Forum Unions Maltin permezz ta’ stqarrija esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-għaġġla tal-Gvern biex il-ħaddiema taċ-ċivil jirritornaw fil-postijiet tax-xogħol.

Fl-istqarrija ffirmata mill-President Marco Bonnici u mis-Segretarju Ġenerali, Colin Galea, fid-dawl tad-deċiżjoni li l-ħaddiema tal-Gvern ġew mitluba jirritornaw fil-postijiet tax-xogħol fil-jiem li ġejjin, il-Forum Unions Maltin esprimiet it-tħassib tagħha dwar din id-deċiżjoni.

Dan  qed jingħad f’kuntest ta’ nuqqas kbir ta’ diskussjoni mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Gvern, inkluż dawk imsieħba fil-For.U.M. Il-For.U.M. qal li fl-ebda ħin ma ġew diskussi l-miżuri li ser jittieħdu sabiex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull impjegat.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-For.U.M. hu infurmat li l-anqas il-gradi fil-livell ta’ immaniġġjar ma għandhom tali informazzjoni u hu ċar li ma ttieħdux il-provvedimenti neċessarji fil-postijiet tax-xogħol biex jiġu mħarsa s-social distancing u l-iġjene. Tali deċiżjoni hi waħda li lanqas m’hi qed tikkunsidra li r-ritorn għan-normalità jista’ ma jkunx possibli għal numru ta’ familji bit-tfal. For.U.M. tistenna diskussjoni dwar din id-deċiżjoni filwaqt li r-ritorn għall-ħidma mill-postijiet tax-xogħol isir b’mod gradwali wara li l-miżuri msemmija jkunu fis-seħħ. Dan filwaqt li għandha tibqa’ l-possibiltà li l-impjegati jaħdmu bit-teleworking.