Lokali

“Il-Gvern ċass quddiem il-figuri tal-qgħad” – SĦPN

“Il-kelliema tal-Gvern, jew ma jafux kemm hawn persuni bla xogħol, jew qed jinħasdu, jew jippruvaw igiddbu ċ-ċifra ta’ 11,000 persuna bla xogħol, liema ċifra nħarġet mill-NSO fil-jiem li għaddew.” Fi stqarrija maħruġa mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista ingħad li dan kollu jikkonferma kemm il-Gvern Laburista jinsab ċass quddiem il-figuri tal-qagħad f’pajjiżna, u wisq iktar mhux ippreparat biex jindirizza t-tbatijiet reali tal-ħaddiema.

L-SĦPN saħqet li kien ikun ferm għaqli li kieku l-Gvern ħabbar miżuri ġodda ta’ taħriġ u investimenti f’oqsma ġodda tax-xogħol li jħaddmu eluf ta’ ħaddiema. Il-poplu Malti issa jaf sew b’dan it-teatrini tal-Gvern imħallsin il-belli liri minn fuq dahar il-ħaddiema Maltin, li kemm fuq il-midja  kif ukoll fuq il-mezzi soċjali jippruvaw ibellugħha lil kulħadd li qegħdin f’business as usual.

Ingħad ukoll li l-verita’ hi ferm ‘il bogħod minn hekk u l-Gvern ma jrid jammetti li hawn dan l-ammont ta’ ħaddiema li tilfu ħobżhom. Apparti dawk li tilfu xogħolhom, hemm eluf li tilfu l-part-time jew l-overtime u għalhekk id-dħul naqsilhom bil-kbir. Ħaddiema u familji li dan il-Gvern ma kienx kapaċi jgħinhom minkejja l-ftaħir tas-surplus! Familji li qed iħallsu prezzjijiet esaġerati għall fuel u għal-kontijiet tad-dawl.

“Bi dritt nistennew li l-Gvern iqum mir-raqda, ma jibqax b’rasu fir-ramel u jara kif se jibni ekonomija sostenibbli u mhux ekonomija mibnija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin”.