Internazzjonali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-Italja f’dan il-jum

Ritratt Il Fatto Quotidiano

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-Italja fl-Erbgħa u Sebgħin anniversarju tal-Festa tar-Repubblika tagħha. Jum importanti għal dan il-pajjiż u poplu iktar u iktar f’dan il-mument tal-istorja tagħha. Mument iebes wara xhur ta’ diffikultajiet kbar b’telfiet ta’ ħajjet diversi persuni kawża tal-pandemija li ħakmet l-Ewropa u d-dinja.

Fl-1946 l-Italja vvutat f’referendum biex ma tibqax iktar monarkija u ssir repubblika.

Permezz ta’ stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech u minn Carm Mifsud Bonnici Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri, il-Partit Nazzjonalista awgura lill-Italja f’dan il-jum.

Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna mill-Indipendenza kellu dejjem relazzjonijiet speċjali mal-Italja. Ħadna benefiċċji mingħandhom u sibna appoġġ f’mumenti varji tal-ħajja tagħna. Illum anzi ninsabu aktar minn qabel iktar viċin sabiex nassistu lil xulxin sabiex noħorġu mid-diffikultajiet soċjali u ekonomici li qegħdin naffaċċjaw.

L-istqarrija temmet tgħid li għalkemm wieħed jifhem li ċ-ċelebrazzjonijiet esterni f’dak il-pajjiż se jkunu kompletament differenti minn tas-soltu, dan ma għandux jnaqqas mill-importanza tal-ġurnata. Anzi għandna naħdmu sabiex inħarsu f’daqqa lejn jiem aqwa.