Il-Partit Nazzjonalista se jkompli għaddej bil-proċess tiegħu tat-tiġdid, li jinkludi r-reviżjoni tal-Istatut wara eżerċizzju estensiv li sar mal-attivisti kollha tal-Partit.
Għaldaqstant, il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju, il-membri tal-Kumitat Eżekuttiv se jkomplu jiddiskutu l-proposti ppreżentati minn Louis Galea. Il-membri se jkunu qed jagħżlu jekk jattendux fiżikament għal din il-laqgħa…jew b’mod virtwali.
Il-Partit Nazzjonalista ra li dawk li jattendu fiżikament ikunu pprotetti bl-arranġamenti kollha meħtieġa fis-sitwazzjoni medika preżenti. Għal dan il-għan, il-laqgħa se ssir f’sala akbar minn tas-soltu, bi spazju adattat bejn kull persuna u b’faċilitajiet ta’ iġene bħal sanitizers.
F’kumment lil NET News, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech stqarr li din il-fażi li jmiss se tfisser li l-Partit ikollu l-istrutturi meħtieġa kif titlob soċjetà moderna ħalli jkun f’qagħda li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull wieħed u waħda minna.
Wara d-diskussjoni fil-livell tal-Kumitat Eżekuttiv, din tittella’ għal-livell tal-Kunsill Ġenerali, li mistenni jitlaqqa’ lejn l-aħħar tax-xahar ħalli tintemm id-diskussjoni u jiġu approvati l-emendi.Dan hu biss parti mir-riforma li għaddej minnha il-PN, fis-sena li matulha qed ifakkar il-140 sena mit-twaqqif tieghu.
//= $special ?>