Knisja Lokali

Il-Quddiesa tirritorna fit-13 ta’ Ġunju

Il-Knisja ser tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku b’mod normali fit-13 ta’ Ġunju f’okkażżjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu fil-festa ta’ Corpus Domini.

Dan ħabbru l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna f’indirizz lin-nazzjon hekk kif spjega li xorta waħda l-pubbliku jrid josserva l-miżuri ta’ distanza soċjali, jintlibsu l-maskri jew visor kif ukoll importanti li tinżamm l-iġene.

L-Arċisqof sostna li biex it-tqarbin isir b’ċertu dinjità persuna preferibilment għandha tilbes visor. Dan filwaqt li l-fidili ser jitħallew jidħlu skont il-metraġġ tal-Knisja. Huwa saħaq ukoll li dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra f’dan iż-żmien ma jistgħux jattendu l-Quddies il-Knisja qed tiskulpahom. Għaldaqstant il-Quddies ser tibqa tixxandar ukoll fuq il-midja lokali bħal l-aħħar ġimgħat.

L-Arċisqof Charles Scicluna insista li xorta waħda l-pajjiż għad irid iħares l-ewwel u qabel kollox lejn is-saħħa u għaldaqstant ma jridx li ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkarestija tpoġġi f’periklu lill-poplu.

Intant, id-diskussjonijiet meta ser jerġgħu jiġu ċelebrati l-funzjonijiet tas-sagramenti oħra fost oħrajn tal-Ewwel Tqarbina u tal-Griżma tal-Isqof għadhom għaddejjin, filwaqt li l-funerali u ċ-ċerimonju taż-żwieġ ser ikunu qed isiru abbażi tad-distanza soċjali.