Coronavirus Lokali

Il-UĦM Voice of the Workers tappella għas-salvagwardji biex jitnaqqsu r-riskji

Fejn hu possibbli, u min jista’, il-ħaddiema fis-settur u fis-servizz pubbliku għandhom jitħallew jaħdmu bit-telework.

Hekk qed tappella l-UĦM Voice of the Workers bi tweġiba għall-pożizzjoni tal-Gvern li mill-Ġimgħa li ġej, kollox se jirritorna għan-normal. Min-naħa l-oħra, tinnota d-diversi messaġġi li ngħataw minn Ministri u mill-Kap taċ-Ċivil, li t-teleworking għandu jibqa’ għaddej anke meta jgħaddi kollox.

Il-Union qalet li għandha r-riservi dwar il-mod kif tneħħew ir-restrizzjonijiet u li, jekk ma tingħatax l-opportunità tat-telework, ifisser li ma tgħallimna xejn minn din l-esperjenza. Fil-fatt, “lura għan-normalità” tkun tfisser il-problemi li kellna qabel il-Coronavirus, fosthom il-problemi tat-traffiku u l-ambjent.

Barra minhekk, innutat li hemm ħaddiema li għadhom ma jistgħux jirritornaw fiżikament għax-xogħol għax iridu jieħdu ħsieb lil uliedhom, partikolarment meta SkolaSajf u c-Childcare Centres mhux se jakkomodaw l-istess ammont ta’ tfal.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq li l-Gvern għandu jassigura li jsir risk assessment għal kull persuna li se tmur lura fl-uffiċċju, filwaqt li jkunu salvagwardjati s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li għadhom fis-seħħ.

Dwar il-ħaddiema vulnerabbli, il-Union għadha tal-fehma li ż-żmien għadu mhux propizju ħalli dawn ikunu esposti, ladarba soluzzjoni aħħarija għall-virus għadha ma nstabitx.