Fost il-ħafna dati importanti fl-istorja tal-futbol Malti, illum hu l-85 anniversarju mill-ewwel finali fl-istorja tal-FA Trophy. Interessanti aktar hu l-fatt ta’ kif nibtet l-idea ta’ din il-kompetizzjoni. Kollox beda f’Mejju tal-1933 meta għall-ewwel darba fuq livell internazzjonali kienet skedata partita bejn l-Italja u l-Ingilterra f’Ruma. F’dak iż-żmien f’pajjiżna, kien jikkonsisti f’persuni li kienu favur it-tmexxija Ingliża u oħrajn li kienu jagħtu appoġġ lit-Taljani. B’mod awtomatiku, din il-logħba nisslet interess fost il-poplu Malti.
Diversi rapporti fil-gazzetti ta’ dak iż-żmien komplew iżidu t-tensjoni. Saħansitra grupp ta’ madwar 200 partitarju għamlu vjaġġ ta’ 28 siegħa bil-baħar u l-ferrovija biex jaslu Ruma u jagħtu l-appoġġ lit-tim Ingliż. Dawk li segwew il-logħba minn Malta fuq ir-radju kienu ħerqana biex il-logħba tibda. Wara li t-Taljani kienu marru fil-vantaġġ kmieni fil-logħba, l-Ingilterra ġabet id-draw, bil-logħba tintemm 1-1. Minħabba s-sapport li l-partitarji Maltin taw lit-tim nazzjonali Ingliż f’Ruma, l-Assoċjazzjoni Ingliża baqgħet impressjonata u fl-1934 ippreżentat lill-MFA bit-trofew prestiġjuż tal-FA Trophy bl-għan li tintlagħab kull sena.
L-ewwel logħba tal-kompetizzjoni ntlagħbet fit-22 ta’ April tal-1935 bejn Melita u Sliema Rangers, b’tal-aħħar jirbħu 2-1. B’kollox ħadu sehem 10 timijiet bil-finali li ntlagħbet bħal-lum 85 sena, kienet kontestata mill-aktar rivali ta’ dak iż-żmien Sliema Wanderers u Floriana.
Fl-Istadium tal-Gżira kien hemm waħda mill-akbar attendenzi tal-istaġun. Sliema fetħu tajjeb mill-bidu u ma kinitx sorpriża li fetħu l-iskor minn penalty ta’ Salvu Sammut fl-20 minuta. Għalkemm użaw l-istess tattika li wasslithom sal-finali, Floriana ma setgħux jikkontrollaw lill-avversarji. Wieħed mill-akbar mertu jieħdu Tony Nicholl, dak iż-żmien żagħżugħ ta’ 19-il sena, li skorja tripletta għal rebħa ta’ 4-0.
//= $special ?>