Tħabbret il-mewt tal-President tal-Kumitati Olimpiċi tal-Ewropa Janez Kocijancic li miet fl-età ta’ 78 sena. Mal-mewt tiegħu, l-ewwel messaġġ kien tal-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach li rrefera għalih bħala Ambaxxatur tal-Moviment Olimpiku u bniedem li dejjem poġġa l-valuri Olimpiċi kif ukoll tal-edukzzjoni u l-inklużjoni soċjali qabel l-interessi personali.
Kocijancic kien ilu fl-Eżekuttiv tal-Kumitati Olimpiċi tal-Ewropa mill-2005. Bejn l-2013 u l-2016 kien Viċi President u kien elett b’vot unanimu bħala President fl-2017 meta ħa post Patrick Hickey. Taħt il-Presidenza tiegħu, ġie deċiż li l-belt ta’ Krakovja fil-Polonja, torganizza t-tielet edizzjoni tal-Logħob Ewropew fl-2023.
F’karriera fl-amministrazzjoni tal-isport, Kocijancic kien President tal-Kumitat Olimpiku tas-Slovenja bejn l-1991 u l-2014 filwaqt li wara li kien elett fl-1981 fl-Eżekuttiv tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Iskiing, kien laħaq Viċi President tal-istess Federazzjoni fl-2010.
//= $special ?>