Coronavirus Lokali Saħħa

Każ wieħed ġdid; 17 ifiqu mill-Covid-19

Ebda dettalji dwar il-każi tal-aħħar erbat ijiem

Jinżlu għal 57 il-każi attivi ta’ Coronavirus f’pajjiżna, hekk kif l-aħħar ċifri jindikaw li kien hemm 17-il persuna oħra li fieqet mill-Covid-19.

Fl-aħħar 24 siegħa, kien hemm każ wieħed biss li żdied mal-lista ta’ każi pożittivi. Dan minn fost elf test li saru – numru kemmxejn inqas mit-testijiet li normalment kienu qed isiru fl-iSwabbing Centres.

Il-każi li rriżultaw pożittivi minn nhar is-Sibt ‘l hawn – b’kollox erbgħa – ma ingħatawx dettalji dwarhom. Dan għaliex il-Bulettin tat-Tnejn ma twassalx kif kien programmat.

Il-każi ta’ Covid-19 qed ikomplu jonqsu fl-istess perijodu li fih qed jittaffew ir-restrizzjonijiet li kienu imposti tliet xhur ilu. Għalkemm sa issa għadu mhux magħruf fuq liema bażi tneħħew ir-restrizzjonijiet, għaliex il-Gvern qed jibqa’ jirreżisti li jippubblika ir-Risk Assessments li fuqhom qed jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu.