Sport Sport Ieħor

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor b’risk assessment li jkopri wkoll l-eventwalità li ssir ir-regatta

(Ritratt: Martin Agius)

L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor se tkun qed tikkummissjona ‘risk assessment’ mill-mument li atleta jidħol fil-klabb sal-eventwalità li ssir il-kompetizzjoni. Dan ir-risk assessent se jkopri wkoll iż-żona tal-post fejn isiru t-tiġrijiet, jiġifieri fejn ikunu l-klabbs parteċipanti waqt ir-regatta kif ukoll iż-żona teknika.

Wara li nħarġu l-linji gwida dwar l-isport li fihom ma ġewx ikkonsultati qabel, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ħasset għandha tieħu l-inizjattiva biex tagħmel evalwazzjoni professjonali bl-għajnuna ta’ professjonisti. Dan biex ikunu konformi mal-liġi u fl-istess ħin iħarsu s-saħħa tal-atleti u l-klabbs tagħhom.

“Ħassejna wkoll li għandu jsir dan il-proċess għaliex l-isport tagħna jikkonsisti f’ħafna stadji differenti u fl-istess ħin kull min hu nvolut, ikollu stampa ċara u aktar iddettaljata tas-sitwazzjoni li qed tolqotna bħalissa. Min mhux midħla sew tal-isport tal-qdif tradizzjonali, ma jista’ qatt jifhem li l-pożizzjoni vaga ta’ bħalissa tista’ tpoġġi l-isport tagħna f’sitwazzjoni prekarja fil-futur qrib,” qal il-President Stephen Paris. L-istqarrija tal-assoċjazzjoni qalet li huma mhumiex kontra l-linji gwida maħruġa u jemmnu li bl-inizjattiva li ħadu, se jkunu aktar id f’id mal-linji gwida preżenti.