Wara li lbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li kollox reġa’ ġej għan-normal inkluż li l-persuni vulnerabbli jistgħu jmorru għax-xogħol u saħansitra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li Malta rebħet il-gwerra kontra l-Covid-19, spikkat ir-rabja u d-diżappunt fost dawk involuti fl-isport.
Dan għaliex l-isport ta’ kuntatt għadu xorta pprojbit u ma jistgħux isiru sessjonijiet ta’ aktar minn sitt persuni ġo faċilità sportiva. Il-fatt li l-miżuri kollha se jitneħħew ifisser li anki se jinfetħu postijiet ta’ divertiment iżda skont il-Prim Ministru, l-isport ta’ kuntatt għadu ma jistax jirritorna.
Diversi sportivi, amministraturi u oħrajn midħla tal-isport ilmentaw mill-fatt li għall-awtoritajiet, li wieħed imur jiddiverti u aktar importanti milli l-atleti jipprattikaw l-isport. Oħrajn argumentaw li ma jistgħux jifhmu kif nies li se jiddevertu se jżommu d-distanza soċjali u jilbsu l-maskri imma l-isportivi le għax hu perikoluż għalihom.
Dawn il-ħsibijiet jerġgħu jiftħu l-ferita ta’ ftit ġimgħat ilu meta dawk involuti fl-isport ma kellhomx l-iċken idea meta setgħu jirritornaw, anki dawk tal-isport individwali mingħajr kuntatt. Kien wara pressjoni minn assoċjazzjonijiet, atleti u amministraturi li uħud mill-isport reġa’ seta’ jerġa’ jibda meta kien inkluż fi grupp ta’ miżuri li ġew illaxkati.
Oħrajn staqsew kif tħabbar li wieħed seta’ jerġa’ jibda jmur il-gym u juża l-istess tagħmir ta’ ħaddieħor imma ma jistax jitħarreġ fi sport ta’ kuntatt. Din hi konferma oħra li l-isport mhux importanti għal dawk li jiddeċiedu.
Proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-isport f’dawn iż-żminijiet
– Il-Gvern minnufih jgħin finanzjarjament lil dawn l-għaqdiet mingħajr diskriminazzjoni.
– Il-Gvern irid jitkellem mal-għaqdiet u assoċjazzjonijiet sportivi kollha, jifhem l-impatt li l-pandemija se tħalli fuqhom u jgħin b’mod immedjat biex ma nirriskjawx li numru minnhom jieqfu milli joperaw u joffru servizz.
– L-awtoritajiet għandhom jisimgħu direttament mingħandhom il-problemi li qed jaffaċċjaw f’laqgħat li jistgħu jservu wkoll bħala gwida għal x’tip ta’ protokolli, skont id-dixxiplina sportiva, għandhom jintużaw ġaladarba l-isport f’pajjiżna jerġa’ jibda ġej lura għan-normal.
– Il-Gvern għandu jeżenta l-ħlasijiet dovuti lilu relatati ma’ kirjiet fuq faċilitajiet/proprjetajiet u/jew kontijiet tad-dawl u l-ilma.
– Flus minn skemi jew inizjattivi oħra li l-Gvern jew entitajiet fi ħdanu wiegħdu jew għandhom impenn fuqhom ma’ għaqdiet sportivi għandhom jiġu mgħoddija minnufih lill-istess għaqdiet u assoċjazzjonijiet jew klabbs.
– L-għaqdiet, assoċjazzjonijiet jew klabbs għandhom jiġu eżentati minn ħlasijiet ta’ miżati jew affiljazzjoni għas-sena 2021 dovuti lil SportMalta.
//= $special ?>