Coronavirus Lokali Saħħa

Pulizija msejħa quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi

"Diffiċli għalina l-Pulizija li nżommu kontroll"

Mas-sebħ tat-Tlieta filgħodu, sigħat wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet b’rabta ma’ Covid-19, għajr il-maskri, ħasil tal-idejn u distanza soċjali – in-nies fetħu għajnejhom għar-realtà wara li fi kliem id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, “irbaħna l-gwerra”.

Bil-ħwienet kollha miftuħa, gyms, ristoranti, eċċ… numru ta’ nies bdew joħorġu mid-djar tagħhom, inkluż persuni deskritti għal aktar minn xahrejn bħala “vulnerabbli”. Bdew jiffunzjonaw b’mod sħiħ is-servizzi tas-saħħa, fejn fost oħrajn illum miġemgħa ta’ nies nġabret barra ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi.

Uffiċjal tal-Pulizija li tkellem ma’ Net News qalilna li issa saret kważi impossibbli għalihom li jikkontrollaw in-nies.

Kien evidenti li n-nies provaw iżommu mal-miżuri u r-restrizzjonijiet li fadal; bosta bil-maskra protettiva ma’ wiċċhom, oħrajn jiprovaw iżommu d-distanza ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra waqt li tlett uffiċjali tal-Pulizija jżommu l-kalma u n-nies ‘il barra sabiex ma jinġabrux fuq ġewwa.

Dan huwa r-ritorn għan-normalità li qal bih l-Mexxej Laburista Robert Abela, madanakollu numru ta’ esperti sostnew li proprju n-normalità li konna mdorrijin biha sa qabel Marzu li proprju jaf ġabitna naffaċċjaw il-kriżi tal-Coronavirus f’pajjiżna.

Persuni li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet sostnew li wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, “fhimna ħafna, iżda ma fhimna xejn”. Huma saħqu li minn din il-konferenza ma ġiex spjegat x’fetaħ u ma fetaħx, kif ser ikun qed jiffunzjona kollox f’din ir-realtà post-covid, minkejja li għadna f’emerġenza medika. B’mod partikolari n-nanniet għadhom qed jistaqsu, “Aħna issa nistgħu nitgħanqu man-neputijiet tagħna?”