Raġel ta’ 32 sena kien arrestat waqt roadchecks li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid. Huwa inqabad fil-pussess ta’ sustanza illegali, allegatament droga kokaina meta kien fil-kumpanija ta’ persuna oħra..
Matul il-lejl li għadda l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu roadchecks fi Triq il-Perit Dom Mintoff f’Raħal Ġdid, u waqqfu vettura tal-għamla Volkswagen Up. Din kienet spezzjonata u waqt li l-pulizija bdew jitkellmu max-xufier, innutaw li flimkien mal-passiġġier – raġel Taljan ta’ 34 sena – bdew jaġixxu b’mod suspettuż.
Għaldaqstant saret tfittxija fil-karozza fejn fil-bieba tan-naħa tax-xufier u imdendlin maċ-ċwievet tal-istess karozza, nstabu pakketti b’sustanza suspettata droga kokaina, kif ukoll basket li kien fih ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ittieħed fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid u aktar tard ġie skortat lejn il-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>