Lokali

Repubblika tgħid li ċ-ċaħdiet ta’ Chris Cardona mhumiex konvinċenti

L-NGO Repubblika qalet fi stqarrija li ċ-ċaħdiet ta’ Chris Cardona, Deputat mexxej tal-Partit Laburista dwar dak li qal fuqu fil-Qorti x-xhud tal-istat Melvin Theuma mhumiex konvinċenti.

Dan wara li fil-qorti nhar it-Tnejn li għadda ingħataw aktar raġunijiet biex wieħed jiddubita kemm wieħed ghandu jemmen id-dikjarazzjoniet ta’ Chris Cardona.

Repubblika qalet li Cardona jidher li huwa implikat bil-qawwi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Melvin Theuma qal li jaf b’intermedjarju li aġixxa u ħallas f’isem Chris Cardona.

U Melvin Theuma qal li jaf b’theddid magħmul mill-ħabib u kollega ta’ Chris Cardona, David Gatt, biex jgħinu ma jinqabadx għal dan il-qtil. Repubblika qalet li kulħadd hu preżunt innoċenti sakemm ippruvat ħati. Iżda ma ninsewx safejn wasslet l-impunità ta’ Chris Cardona, l-istess bħall-impunità ta’ Keith Schembri, li ġarrbu arrest ta’ ftit siegħat f’Diċembru li għadda, u nħelsu qisu qatt ma ġara xejn.

“Dawn igiegħluna nsostnu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Cardona m’humiex prova ta’ innoċenza. Huma prova li għadhom igawdu l-protezzjoni tal-gvern u għadhom jaġixxu ta’ mafja – stat fi stat – li ma jista’ għalihom ħadd.

“Intennu, għax importanti li ħadd ma jinsa, li Chris Cardona hu d-Deputy Leader tal-Partit Laburista. Kariga fil-Partit Laburista jidher li hi kenn u immunità mil-liġijiet tal-pajjiż”.

Repubblika qalet li ’tista’ toqtol jew tqabbad ‘il min joqtol u ħadd ma jista għalik. Iċ-ċaħdiet ta’ Chris Cardona m’huma konvinċenti xejn. Ix-xhieda ta’ Melvin Theuma tiżdied ma’ l-indizji l-oħra li konna nafu bihom.

L-NGO qalet li Chris Cardona inqabad jigdeb aktar minn darba dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alfred Degiorgio il-Fulu. Il-partner legali ta’ Chris Cardona, David Gatt, kien akkużat (u ma nstabx ħati) tal-istess serqa li għaliha kien akkużat Vince Muscat il-Koħħu.

In-numru ta’ Chris Cardona kien l-uniku numru, waħdu, imniżżel fuq ‘burner phone’ li ntrema’ mill-moll mat-tinda tal-patata, l-kwartieri tal-assassini akkużati li wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan minbarra indizji oħra li jistgħu qegħdin f’idejn il-pulizija u għadna ma smajniex bihom. Fuq Repubblika qalet li ttenni wkoll li Melvin Theuma mhux xhud kwalunkwe. Huwa xhud fdat mill-istat.

Melvin Theuma għandu l-għażla bejn li jgħid il-verità biex jgħin lill-prosekutur jitfa’ lil Alfred u George DeGiorgio, lil Vince Muscat u lil Yorgen Fenech il-ħabs għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jew inkella jmur il-ħabs hu u jħallas ta’ dak li diġà ammetta li għamel.

L-NGO kompliet tgħid li Robert Abela u Chris Fearne (l-unika uffiċjali tal-Partit Laburista b’kariga daqs jew ogħla minn ta’ Chris Cardona), il-bieraħ indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet u lanqas biss semmew il-fatt li kollega tagħhom hu implikat b’evidenza u xhieda li ordna u ħallas għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għalqu għajnejhom qisu Chris Cardona kien akkużat b’xi ċuċata, li pparkja ħażin jew li għandu kont tat-taxxa b’lura. Dan is-silenzju, din l-omertà hi wkoll protezzjoni mafjuża.

U meta din il-protezzjoni mafjuża tkun ġejja mingħand l-ogħla żewġ ministri tal-gvern, ikollna nirrikonoxxu li f’Mejju 2020 pajjiżna għadu dak li kien f’Diċembru 2019: stat mafjuż.

L-NGO sostniet li l-Prim Ministru Robert Abela l-bieraħ qal li fiqna biż-żejjed mill-Covid-19 biex inkunu nistgħu nagħmlu kull ma stajna nagħmlu qabel, ħlief li nagħtu kenn lill-migranti maqbudin il-baħar u li niltaqgħu f’ġemgħat.

“Nifhmu li dan mhux żmien il-kunċerti jew id-divertiment tal-massa. Iżda navżaw li f’xi ħin se jkollna nkunu aħna li mit-toroq u mill-pjazez infakkru lil dawn il-qattiela u ħallelin li mhux se nittolleraw l-impunità tagħhom.

“Jekk Robert Abela jiftakar x’inhu dmiru għandu jipproponi t-tkeċċija ta’ Chris Cardona mill-partit tiegħu illum. Fl-istess waqt nerġgħu nduru fuq il-pulizija, fuq il-prosekutur u fuq il-maġistratura u nfakkruhom li xogħolhom mhux li jipproteġu r-reputazzjoni ta’ Robert Abela.

“Xogħolhom hu li jroddu ‘l ħaqq lil min jobdi l-liġi billi jressqu lil min joqtol u jisraq quddiem il-ġustizzja qalet Repubblika.