Il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela prova jbenġilha li l-Ħadd il-midja lokali fehmitu ħażin juri li ma fhiemx x’inhi l-problema. Dan saħqu l-Kap Eżekuttiv ta’ Lovin Malta Chris Peregin, meta fuq il-midja soċjali sostna li l-problema hi li Robert Abela wassal messaġġ ta’ interess nazzjonali f’intervista fuq l-istazzjon tal-midja laburista.
Dan qabel miegħu ukoll l-Avukat Bernard Grech hekk kif f’intervista waqt il-programm NET LIVE hu saħaq li jekk Robert Abela ikun ser jitkellem dwar miżuri li jaffettwaw lil poplu kollu, bħala Prim Ministru jrid jitkellem fuq l-istazzjon nazzjonali.
Bernard Grech insista li d-diskors li lissen il-Prim Ministru Robert Abela kien insult għal dawk il-persuni fil-qasam tas-saħħa, dawk l-uffiċjali li jħarsu s-sigurtà f’pajjiżna u dawk kollha li żammu d-dixxiplina u ilhom ma jaraw lill-ġenituri u n-neputijiet għal ġimgħat sħaħ.
Huwa saħaq li l-liġi li tippermetti l-persuna tappella għall-kwalunkwè multa ilha hemm, u l-poplu ma kellux bżonn il-ħniena tal-Prim Ministru biex isejjaħ amnestija għal ċertu persuni. Għaldaqstant insista li Robert Abela għandu jammetti li żbalja.
Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ għas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, sostna li meta l-politiku jwarrab lill-espert …hemm meta jibdew isiru l-iżablji. Huwa saħaq li jekk il-Gvern irid juri ħniena għandu juriha ma’ min fl-aħħar ġimgħat spiċċa f’qagħda finanzjarja prekarja u kellu jissellef il-flus.
Andrew Azzopardi sostna li l-fatt li Robert Abela qal li n-nies fehmuh ħażin, implika li l-poplu huwa mbeċċili għax kulħadd fehmu l-istess ħaġa – li żgur mhux il-każ.
Huma lkoll qablu li minkejja l-appelli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, id-diskors tal-Prim Ministru jaf npattuh qares ġaladarba jidħlu x-xhur xitwin… bil-possibilita li terġa tikxef snienha l-pandemija.
//= $special ?>