Coronavirus Internazzjonali

Id-dikjarazzjoni li ‘għadda l-agħar tal-Covid-19’ tista’ tkun sempliċi logħba politika għall-gwadann ta’ Putin

Numru qed jiżdied ta’ osservaturi jemmnu li d-dikjarazzjoni tal-President Russu Vladimir Putin, fis-sens li ‘għadda l-agħar tal-pandemija ( tal-Covid-19)’ hi sempliċi parti minn logħba biex hu jiggwadanja minn aspett politiku.

Ir-restrizzjonijiet f’Moska qed jitneħħew, bil-mod il-mod, minkejja li r-Russja għandha waħda mill-ogħla rati ta’ infezzjoni bil-coronavirus fid-dinja.

Għal dawn l-aħħar xahrejn, ir-residenti setgħu joħorġu biss minn djarhom biex jixtru l-ikel inkella għall-aktar ħteġiet urġenti, ‘fuq livell ta’ emerġenza’.

Intant, minn din il-ġimgħa, in-nies qed jitħallew joħorġu jippassiġġaw għal tliet darbiet fil-ġimgħa u bil-patt li jilbsu l-maskra tal-wiċċ fil-pubbliku. Fl-istess ħin, il-poplu f’Moska qed jara wkoll il-ftuħ ta’ ħwienet oħrajn minbarra l-istabbilimenti li qed ibiegħu l-ikel.

Is-Sindku ta’ Moska, Sergei Sobyanin, qal li t-tneħħija ta’ ċerti restrizzjonijiet fil-kapitali huma ‘esperiment’ u li ‘Moska qed tistenbaħ b’kawtela mil-lockdown biex, fost oħrajn, tara kif jirreaġġixxi l-Covid-19 fiċ-ċirkustanzi’. Dan meta r-regoli għad-distanza soċjali f’Moska għadhom jinżammu b’livell ta’ riġidità sostanzjali.

Intant, hemm min hu konvint li l-ftuħ mill-ġdid ‘tas-soċjetà’ qed isir bi ħsieb politiku, bl-iżviluppi jseħħu fi żmien meta, f’Moska, għad hemm indikazzjonijiet ta’ aktar minn 2,000 każ ta’ infezzjoni kuljum mill-Covid-19.

Min-naħa tiegħu, il-President Putin diġà għamilha ċara li ‘ipprogramma mill-ġdid’ iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Rebħa – festa prestiġjuża għar-Russja – għal aktar ‘il quddiem dan ix-xahar.

Jum ir-Rebħa hi vaganza li tfakkar meta l-Ġermanja Nażista ċediet, fl-1945, fost it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa. Il-festa kienet inawgurata għall-ewwel darba fil-ħmistax-il repubbliki tal-eks Unjoni Sovjetika u kull sena issir parata militari ewlenija fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska.

Mistenni li l-parata ta’ din is-sena f’Moska ssir fl-24 ta’ Ġunju u meta din għandha tikkommemora l-75 sena mid-disfatta tan-Nażisti u l-ewwel Parata tar-Rebħa storika fil-kapitali Russa li wkoll seħħet fl-1945.

Intant, il-Kremlin ta’ Moska jinsab ħerqan biex, ‘il quddiem, jidħol għall-‘vot storiku’ li jippermetti r-riforma tal-Kostituzzjoni biex Vladimir Putin ikompli fil-poter, bħala President, għal żmien indefinittiv.

Kollox minn Moska jindika li l-politiċi ‘iridu jħarsu ‘il quddiem u ‘il hinn mill-Covid-19’  u li Putin hu determinat aktar minn qabel li jsiru l-bidliet Kostituzzjonali. Għaldaqstant, l-osservaturi jemmnu li, fil-każ tar-Russja, il-politika qed tegħleb kwalunkwe konsiderazzjoni oħra – inkluża s-saħħa.

Indikattiva wkoll hi l-arja ta’ ansjetà u inċertezza fost il-poplu Russu wara li ħafna tilfu xogħolhom  b’kaġun tal-kriżi tal-coronavirus.

L-istatistika uffiċjali mir-Russja qed turi li l-attività ekonomika naqset b’madwar terz b’kaġun tal-lockdown dovut għall-coronavairus u fost telf regolari ta’ dħul mit-taxxa għall-Istat. Dan ukoll fost indikazzjonijiet li l-Kremlin qed jirreżisti s-sejħiet għal ‘miżuri kuraġġjużi’ li jappoġġjaw lill-ekonomija lokali.