Lokali Qorti

Ħabs għal żewġ Niġerjani u żewġ Sudaniżi wara li ffalsifikaw passaporti

Żewġ Niġerjani, Tony Idahosa (ritratt) ta’ 43 sena, u Gabriel Ehizogie ta’ 36 sena flimkien ma’ żewġ Sudaniżi ġew kundannati sentenza ta’ ħabs wara li ammettew li ffalsifikaw passaport li kien jikkonsisti f’dokumenti uffiċjali ta’ residenza Taljan u karta tal-identità Taljana.

In-Niġerjani ammettew li wettqu r-reat f’każijiet separati filwaqt li Sudaniżi ammettew li kisru l-liġi flimkien. In-Niġerjani u wieħed mis-Sudaniżi ġew kundannati sitt xhur ħabs kull wieħed filwaqt li s-Sudaniż l-ieħor ġie kundannat tliet xhur ħabs minħabba li huwa minuri ta’ 17-il sena.

Idahosa kien tressaq il-Ħadd, 9 ta’ Frar u m’ammettiex, iddeċieda li jammetti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak. Huwa kien tressaq mill-Uffiċjal Prinċipal tal-Immigrazzjoni, l-Ispettur Darren Buhagiar.

In-Niġerjan mill-belt ta’ Benin għandu permess ta’ residenza fil-Ġermanja u ammetta li fit-8 ta’ Frar li għadda wettaq dan ir-reat fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li huwa ddispjaċih għall-azzjonijiet li wettaq u talba skuża fil-Qorti.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li tħoss li għandha tagħti s-sentenza fil-minimu tagħha skont il-liġi. Kien ordnat ukoll li mis-sitt xhur ħabs Idahosa jitnaqqslu ż-żmien li kien ilu arrestat.

Fil-każ ta’ Ehizogie, residenti f’Napli, l-Italja, dan ammetta li wettaq dan ir-reat fl-4 ta’ Diċembru li għadda u anke fil-każ tiegħu jrid jitnaqqas i-żmien mill-perjodu li huwa għamel il-ħabs. F’dan il-każ ukoll il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darren Buhagiar.

L-istess Spettur mexxa l-każ ta’ Asim Anur ta’ 19-il sena, Sudaniż minn Darfur, u Sudaniż ieħor ta’ 17-il sena, t-tnejn residenti fic-Ċentru Miftuh ta’ Ħal-Far.

Dawn ammettew li fid-29 ta’ Novembru 2019 u fil-jiem ta’ qabel f’dawn il-Gzejjer jew fi bnadi ohra ffalsifikaw, biddlu jew ghamlu xi tibdil f’dokumenti jew kellhom fil-pussess taghhom dokumenti li kienu jafu li gew ffalsifikati.

Dawn kienu jikkonsistu f’passaport Taljan falz u permess ta’ residenza Taljana falza. Dawn kienu wkoll inqabdu b’dawn id-dokumenti fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.