Ġie sospiż l-għarbiel tar-ramel (sandsifting) fir-Ramla l-Ħamra biex tkun protetta l-bejta tal-fkieren. Dan wara li f’70 sena fekruna tat-tip Loggerhead telgħet biex għamlet il-bejta tagħha f’din il-bajja pittoreska.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li mmedjatament ħa passi sabiex ikun hemm sorveljanza lejl u nhar fuq il-bejta u appella lil dawk li jżuru l-bajja biex iżommu d-distanza minn dan is-sit, filwaqt li qal li se jkompli jsegwi kull żvilupp.
Barra minn hekk, ħabbar ukoll illi s-sandsifting ippjanat għal din il-ġimgħa li kien se jsir għall-ewwel darba biex ikun mgħarbel ir-ramel minn materjal bħal cigarette butts u plastik, ġie sospiż minħabba dawn iċ-ċirkostanzi partikolari.
Filwaqt li rringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u Nature Trust talli ħadu azzjoni immedjata malli ġew infurmati bil-bejta kmieni s-Sibt filgħodu, il-Ministru Aaron Farrugia qal li s-sit se jkun qed jingħata protezzjoni diretta permezz ta’ Ordni ta’ Emerġenza għall‑Konservazzjoni sabiex jassigura li l-bejta ma tkunx fil-periklu.
Huwa spjega kif din il-fekruna, li għandha rwol importanti fl-ekosistema marittimu, hija protetta globalment permezz tal-World Conservation Area kif ukoll b’diversi tipi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali. Il-Ministru Farrugia saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nipproteġu l-bijodiversità naturali li għandu pajjiżna.