Il-President Amerikan Donald Trump, fl-aħħar sigħat, hedded li l-militar tal-pajjiż għandu jintervjeni biex jikkontrolla l-inkwiet ċivili li sploda bħal ħuġġieġa f’għexieren ta’ bliet wara l-mewt ta’ raġel iswed, George Floyd, li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija fil-belt ta’ Minneapolis (f’Minnesota).
Mindu ġriet l-aħbar dwar il-mewt ta’ Floyd, fil-25 ta’ Mejju, bdew ifeġġu l-protesti popolari fit-toroq ta’ Minneapolis u bliet Amerikani oħra, fejn il-konfronti vjolenti mal-pulizija laħqu livelli allarmanti u straordinarji, tant li l-Istati Uniti qed tħabbat wiċċha ma kriżi serja oħra minbarra dik dovuta għall-pandemija tal-Covid-19.
Donald Trump, wara li hedded ‘azzjoni drastika fil-konfront tad-delinkwenti li qed japprofittaw mis-sitwazzjoni’, issa għamilha ċara li f’każ li l-awtoritajiet tal-ibliet u l-Istati ma jikkontrollawx il-protesti u ‘jiddefendu lir-residenti’ hu kien qed jaħseb biex idaħħal lill-Armata ‘u jsolvi malajr il-problema’.
Id-dimostrazzjonijiet dwar il-mewt ta’ George Floyd eskalaw fl-aħħar jiem u fil-lejl tat-Tnejn, erba’ pulizija spiċċaw midruba minn persuni li fetħu n-nar fuqhom fost l-inkwiet, fit-toroq ta’ St Louis, fl-Istat ta’ Missouri.
Intant, għexieren ta’ bliet Amerikani jinsabu taħt curfew minħabba l-vjolenza.
Dan fost inċidenti ġodda fi New York fejn stabbilimenti kummerċjali bħal ta’ Macy’s u Nike spiċċaw mira ta’ ħallelin, bid-dimostranti jkissru l-faċċati tal-ħwienet u t-twieqi tal-banek. Ma naqsux l-arresti tan-nies fl-agħar lokalitajiet tal-inkwiet.
L-inċidenti huma ‘frott ir-rabja popolari’ li għadha tbaqbaq minħabba l-qtil – pjuttost regolari — ta’ Amerikani suwed taħt idejn il-pulizija, kif ukoll minħabba l-element qawwi tar-razziżmu fil-pajjiż.
Meta tkellem mir-Rose Garden tal-White House, il-President Trump qal li l-Amerikani bir-raġun huma mnikkta dwar il-mewta brutali ta’ Floyd ( li spiċċa vittma ta’ omiċidju wara li pulizija abjad għafsu mal-art b’irkoppa fuq għonqu u sal-punt fejn Floyd ma setax jieħu n-nifs) u li ‘il-memorja tal-vittma mgħandhiex tkun imtappna mill-folol tan-nies irrabjati’.
Trump ikkundanna l-vjolenza u s-serq ta’ nhar il-Ħadd f’Washington u insista li se jsaħħaħ id-difiża tal-kapitali ‘b’eluf ta’ suldati u uffiċjali għall-infurzar tal-liġi biex iwaqqfu l-irvellijiet, is-serq, il-vandaliżmu u l-attakki fuq in-nies u l-proprjetà’.
Hu sejjaħ biex l-Istati u l-bliet jistazzjonaw il-Gwardja Nazzjonali (il-qawwa militari ta’ riserva li tintervjenti f’emerġenzi domestiċi) ħalli din ‘tiddomina t-toroq’. Mas-16,000 truppi diġà kienu stazzjonati għall-ħarsien tas-sigurtà u Trump qal li ‘lest li jieħu huwa stess azzjoni f’każ li l-Istati u l-ibliet ma jieħdux il-miżuri neċessarja’.
Biex idaħħal il-militar għaż-żamma tal-ordni, il-President ikun irid jirrikorri għal liġi federali – l-Insurrection Act—li f’numru ta’ ċirkustanzi teħtieġ talba speċifika mingħand il-Gvernaturi tal-Istati. Intant, id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni kritikaw it-twissija ta’ Trump, b’Joe Biden – li mistenni jkun il-kandidat tal-partit li jikkuntesta għall-Presidenza – isostni li ‘Donald Trump, issa, qed jaħseb biex juża l-militar tal-Amerikani kontra n-nies tagħhom stess’.
Wara d-diskors fir-Rose Garden, Trump, flimkien mal-kollaboraturi , mexa lejn knisja fil-viċin li kienet sfat il-mira ta’ vandali fost id-dimostrazzjonijiet u fejn ippoża għal ritratt fuq it-taraġ waqt li kien qed iżomm kopja tal-Bibbja. Dan wara li l-pulizija sparat il-gass tad-dmugħ biex tferrex lid-dimostranti fl-inħawi.
Il-protesti dwar id-destin ikrah ta’George Floyd iddominaw f’75 belt tal-Istati Uniti, bl-aħħar dimostrazzjonijiet isiru fi New York, fost inċidenti vjolenti u numru ta’ arresti sussegwenti fiz-zona ta’ Manhattan. Saru wkoll protesti fi bliet ewlenin oħra bħal Oakland u Los Angeles waqt li f’Chicago kien hemm rapporti dwar żewġ persuni maqtula f’ċirkustanzi li ma kenux ċari.
F’Las Vegas (fl-Istat ta’ Nevada), l-awtoritajiet lokali qalu li pulizija nqatel minn tiri waqt li kien qed jipprova jikkontrolla folla ta’ persuni vjolenti.
//= $special ?>