Fl-aħħar ġimgħat kompliet toħroġ dejjem aktar evidenti li fil-qasam tal-edukazzjoni bħalissa teżisti konfużjoni u nuqqas kbir ta’ ppjanar.
Mijiet ta’ ġenituri jinsabu mħassba dwar x’tip ta’ ppjanar qed isir mill-awtoritatjiet tal-edukazzjoni f’pajjiżna, fl-isfond taċ-ċirkostanzi preżenti.
U filwaqt li lbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iskejjel se jiftħu f’Settembru, il-Ministru tal-Edukazzjoni ma kienx għadu ta konferma ta’ dan.
Rabja issa wkoll fost ġenituri ta’ tfal li jixtiequ jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Dan hekk kif filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħassar l-eżamijiet kollha fl-iskejjel, studenti li jridu jieħdu f’posthom fl-Iskola tal-Isport iridu jpoġġu għal eżami f’Awwissu.
L-imsemmija skola rċeviet ħafna messaġġi minn ġenituri nkwetati u fl-aħħar ħin tellgħet avviż fuq il-paġna ta’ Facebook li tirreferi lil min għandu mistoqsijiet jew ilmenti dwar il-każ, biex jagħmel kuntatt mal-Bord tal-Għażla.

Intant, ġenituri ta’ tfal oħra għadhom imħassba dwar id-diżorganizzazzjoni minn naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u n-nuqqas ta’ kjarezza dwar se jiġri mill-istudenti, l-aktar dawk li jinsabu fl-aħħar sena tas-sekondarja, u dawk li kienu se jibdew l-istudji tagħhom fl-Università.
//= $special ?>