Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq bla rażan u probation għal kompliċi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkunsidrat il-fatt li raġel ta’ 40 sena minn Ħal Għaxaq ikkommetta xejn anqas minn 26 serqa u għandu kondotta ta’ xejn anqas minn 42 faċċata. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li ftit rat bħalha.

Aktar minn hekk il-Qorti wkoll qieset il-fatt li Roderick Zahra kellu xejn anqas minn 77 kundanna mill-Qrati. Kien għalhekk li ġie kundannat tliet snin ħabs. Sadanittant Ruth Spiteri ta’ 41 sena minn Santa Luċia li kienet kompliċi ma’ Roderick Zahra f’diversi serqiet li għamel Zahra ngħatat probation ta’ tliet snin.

Dan ifisser li l-Qorti tal-Appell varjat is-sentenza fil-konfront tagħha meta kienet ikkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn mill-Qorti tal-Maġistrati f’Ottubru tal-2017. Roderick Zahra iżda kellu is-sentenza ta’ tliet snin ħabs konfermati.

Kien it-13 ta’ Ottubru tal-2017 fejn il-koppja kienu qegħdin jiffaċċaw 26 akkuża kollha relatati ma’ serq fejn fihom instabu ħatja ta’ ħafna minnhom. Zahra u Spiteri, it-tnejn bla xogol, kienu ammettew li serqu xejn anqas minn 46 ċilindru tal-gass minn wara d-djar tan-nies.

Zahra kien instab ħati li waħdu seraq 22 ċilindru tal-gass minn fuq l-għetiebi ta’ djar fin-Naxxar, is-Swieqi, Weied il-Għajn u Ħaż-Żebbuġ u 24 ċilindru mill-Mosta Huwa nstab ħati wkoll li seraq bosta għodod minn sit ta’ kostruzzjoni fis-Swieqi. Spiteri nstabet ħatja li kienet kompliċi miegħu fi 13-il serqa.

L-Avukat Generali li ma kienx sodisfatt bi tliet snin ħabs li kkundannatu l-Qorti tal-Maġistrati fir-rikors tiegħu kien qal li “f’dawn iċ-ċirkostanzi u f’din is-sitwazzjoni mħarrbta u irriversibbli li fiha l-imputat waddab lilu nnifsu.

L-Avukat Ġenerali qal li hawnhekk ma għandniex xi każ ta’ xi ċittadin Malti ta’ età tenera li kiser difrejh l- ewwel darba mal-liġi u jinstab l-ewwel darba quddiem il-Qorti u li huwa reċediv. Huwa għandu wkoll problema ta’ droga.

Il-Qorti qalet li apparti li ma tistax taqbel ma’ l-Avukat Ġenerali li qal li s-sitwazzjoni ta’ Zahra hija waħda rriversibbli. Fil-fehma tal-Qorti hija l-mewt biss li ġġib stat jew sitwazzjoni ta’ irriversibilità assoluta.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet ukoll li lanqas ma tista’ taqbel mal-Avukat Ġenerali li Ordni ta’ Probation hu indikat biss għal “first offenders” żgħażagħ.

Anke fil-każ ta’ persuna ta’ età mhux zgħira u li forsi hu reċidiv, tista’ titfaċċa fil-ħajja ta’ dik il-persuna “a window of opportunity” li permezz tagħha jkun jista’ jinkiser iċ-ċiklu ta’ kundanni u ta’ priġunerija.

Madankollu il-Qorti ħadet ukoll kunsiderazzjoni tal-kondotta tiegħu u l-fatt li kkommetta 26 serqa li ghalihom huwa ammetta. Il-fatt ukoll li ma tressqet l-ebda prova li huwa kien qabad it-triq it-tajba jew li kien ħadem fuq il-vizzju kontra d-droga.

Tant li jirriżulta li reġa’ kkommetta reati waqt dawn il-proċeduri, il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li piena ta’ ħabs effettiva hija l-aħjar waħda fiċ-ċirkostanzi. Ingħad ukoll li Zahra għandu jkompli jingħata kull għajnuna meħtiega sabiex jgħeleb il-vizzju tad-droga u jkisser iċ-ċiklu tal-kriminalità.

Fil-każ ta’ Ruth Spiteri, hija nstabet ħtja bhala kompliċi ta’ 13-il akkuża ta’ serq, bil-maġġoranza tagħhom huma serq sempliċi għajr għal akkuża waħda li tirrigwarda serq aggravat bil-valur u u li kisret ordni tal-Qorti.

Il-Qorti qalet li minkejja li l-kondotta tagħha mhijiex waħda netta, mhijiex waħda allarmanti. Jirriżulta ukoll li fis-sentenzi mogħtija fil-konfront tagħha u skont dak li jirrizulta mill-kondotta, qatt ma tpoġġiet taħt ordni ta’ probation. Aktar minn hekk f’dawn il-proċeduri hija ma ġietx akkużata li hija reċediva.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fissritilha bi kliem ċar l-effett ta’ Probation, inklużi l-kundizzjonijiet addizzjonali mogħtija. Fosthom illi jekk tonqos li thares din l-Ordni jew tagħmel xi reat iehor matul il-perjodu ta’ tliet snin, tkun tista tiġi kkundannata ghar-reat li ghalih.

Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li Spiteri kkoperat mal-Pulizija sa minn stadju bikri u rreġistrat ammissjoni bikrija. Il-fatt li f’dawn il-proċeduri ma kkomettietx reat ieħor.

Għaldaqstant jeħtieġ li tirċievi kull għajnuna meħtiega sabiex iħomm il-bogħod mill-kriminalità u jekk għadha bil-vizzju tad-droga, għandha tirċievi għajnuna sabiex tgħeleb dan il-vizzju.

Il-Qorti qalet li matul il-perjodu ta’ Probation, għandha ġġib ruħha tajjeb, toqgħod għad-direttivi kollha tal-Probation Officer u żżomm dak il-kuntatt meħtieġ u mitlub mill-uffiċjal maħtur lilha.

L-Uffiċċjal tal-Probation għandu jirraporta bil-miktub lil din il-Qorti bil-progress tal-ħatja kull sitt xhur. Il-ħatja għandha wkoll tavża immedjatament lill-Uffiċjal tal-Probation b’kull bdil li tista’ tagħmel fl-indirizz residenzjali tagħha.

Li għandha żżomm ruħha f’kuntatt mal-Uffiċjal tal-Probation skont id-direttivi li jagħtiha minn żmien għall-iehor l-istess Ufficjal tal-Probation u partikolarment li hija għandha, jekk l-Uffiċjal ikun hekk irid, tirċievi żjarat tal-istess Uffiċjal tal-Probation. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.