Lokali

“Wara 3 xhur għadu ma sar xejn”

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet illi għaddew tliet xhur minn dakinhar li Miriam Pace spiċċat maqtula f’darha u sal-llum għadu ma sar xejn biex ma jmutx ħaddieħor. “Kulma kellna kienu paroli vojta u kumitati li s’issa ma swew għalxejn”.

Repubblika fakkret illi meta Miriam Pace inqatlet, il-Prim Ministru qal li kien irrabjat u mweġġa’.

Qalilna li se jagħmel kumitat biex isiru l-bidliet li hemm bżonn. Wiegħedna li dan il-kumitat se jaħdem b’urġenza.

“Sfortunatament, kollox għadu kif kien. Ma sar xejn”, qalet Repubblika.

Xahrejn ilu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ressqet mozzjoni sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf inkjesta pubblika indipendenti sabiex jinstab jekk Miriam Pace tilfitx ħajjitha traġikament kawża ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista kien ħeġġeġ biex din l-inkjesta pubblika, fi żmien xahrejn għandha tirrapporta jekk fil-każ li wassal għal mewt ta’ Miriam Pace, l-istituzzjonijiet wettqux dak li kien mistenni minnhom sabiex jipproteġu l-ħajja u l-interessi ta’ terzi, qabel u waqt ix-xogħlijiet tal-kostruzzjonijiet u jekk ittieħdux il-miżuri kollha meħtieġa.

L-għaqda repubblika minn naħa tagħha qalet li jkun ferm aħjar jekk Robert Abela jagħmel xi ħaġa biex il-ħajja tan-nies tkun protetta minflok jiġri jaħfer il-multi ta’min poġġa lill-ħaddieħor fil-periklu billi kiser il-liġi li għamel hu stess. “Nisperaw li m’hemmx xi interessi ta’ min hu b’saħħtu li qed iżommu milli jittieħdu l-passi neċessarji biex ma jmutux jew nies oħra u biex ma jaqgħux iżjed djar”.