Formula 1 Sport

Żvelat il-kalendarju tal-ewwel tmien tlielaq tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Aħbar tajba għad-dilettanti tal-Formula 1 hekk kif tħabbar b’mod uffiċjali li l-istaġun se jibda fl-Awstrija x-xahar id-dieħel. Wara li l-istaġun baqa’ ma bediex minħabba l-pandemija tal-Covid-19, it-tmexxija tal-isport flimkien mat-timijiet u l-FIA kienu qed jaħdmu biex joħolqu pjan biex l-istaġun jibda b’mod sigur. Din il-ħidma wasslet biex ġew żvelati l-ewwel tmien tlielaq tal-kalendarju l-ġdid.

L-istaġun se jibda bil-Grand Prix tal-Awstrija f’Red Bull Ring fil-5 ta’ Lulju, bit-tieni tellieqa se ssir ġimgħa wara bit-tieni tellieqa fl-istess ċirkwit. Il-ġimgħa ta’ wara se tkun organizzata l-Grand Prix tal-Ungerija biex wara waqfa ta’ ġimgħa, isiru żewġ tlielaq konsekuttivi fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone u l-Grand Prix ta’ Spanja f’Barcelona. Il-Grand Prix tal-Belġju hi skedata lejn tmiem Awwissu filwaqt li l-Grand Prix tal-Italja mistennija ssir fil-bidu ta’ Settembru. Dawn it-tlielaq kollha se jsiru mingħajr spettaturi.

Minħabba li s-sitwazzjoni tal-coronavirus qed tiżviluppa l-ħin kollu, il-Formula 1 qed taħdem b’kawtela biex tiffinalizza l-kalendarju kollu bl-għan li jkun hemm bejn 15 u t-18-il tellieqa, bl-istaġun jintemm f’Diċembru. Il-Formula 1 qalet li s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk involuti se tibqa’ prijorità, bi pjan dettaljat biex jiġi assigurat li t-tlielaq isiru f’sigurtà tal-ogħla livell. Il-Kap Eżekuttiv tal-Formula 1 Chase Carey qal li għalkemm l-istaġun se jibda mingħajr partitarji, jittamaw li fix-xhur li ġejjin is-sitwazzjoni tippermetti lilhom li jorganizzaw xi tlielaq bil-partitarji.

L-ewwel tmien tlielaq fil-kalendarju

GP tal-Awstrija – 5 ta’ Lulju, GP tal-Awstrija – 12 ta’ Lulju, GP tal-Ungerija – 19 ta’ Lulju, GP tar-Renju Unit – 2 ta’ Awwissu, GP tar-Renju Unit – 9 ta’ Awwissu, GP ta’ Spanja – 16 ta’ Awwissu, GP tal-Belġju – 30 ta’ Awwissu, GP tal-Italja – 6 ta’ Settembru