Raġel ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun li kien arrestat fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li għaddew ġie mixli fil-Qorti ta’ Għawdex li saq b’manjiera perikoluża bil-karozza tiegħu f’Marsalforn u anke rreżista bil-forza lill-Pulizija meta ppruvaw jarrestawh.
Ir-raġel tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħaxija u wieħeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet. Kienu għall-ħabta ta’ nofs il-lejl, x’ħin il-Pulizija fl-Għassa r-Rabat, Għawdex, ġew infurmati li hemm raġel qiegħed ikisser xi umbrellel fil-bajja u anke saq bil-vettura tiegħu fuq is-siġġijiet li hemm skjerati max-xatt.
Waqt li l-Pulizija tad-Distrett kienu sejrin fuq il-post, mat-triq lemħu l-karozza li ġiet irrapportata lilhom li kienet qed tinstaq b’veloċita qawwija fil-karreġġjata l-ħażina u li kienet ġejja dritt fid-direzzjoni tal-Pulizija.
L-Uffiċjali li kienu fil-vettura tas-servizz irnexxielhom jevitaw l-karozza tar-raġel filwaqt li baqgħu jsegwuha, iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.
Il-Pulizija tad-Distrett, assistiti mill-Pulizija tar-RIU, irnexxielhom jiċċirkondaw u jwaqqfu l-karozza fir-Rabat. Ix-xufier ġie ordnat biex joħroġ immedjatament mill-karozza iżda allegatament ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u anke beda jhedded lill-istess Pulizija u fl-istess waqt irreżista l-arrest.
Wara xi ħin, il-Pulizija rnexxielha tikkontrollah u tarrestah fejn ittieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija, fir-Rabat, Għawdex, fejn allegatament baqa’ jkun aggressiv.
Minħabba li kien hemm suspett li huwa kien taħt l-effett tal-alkoħol, intalab jipprovdi kampjun tan-nifs, iżda wara li ġie imwissi diversi drabi, ir-raġel irrifjuta u kontinwament baqa’ jhedded lill-Pulizija.
Ir-raġel tressaq il-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech. Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.
//= $special ?>