Internazzjonali

Covid-19: Ftuħ ta’ aktar fruntieri, infezzjonijiet ġodda u ċaħda oħra miċ-Ċina

Il-Ġermanja, mill-15  ta’ Ġunju, għandha tneħħi t-twissija ġenerali kontra l-ivvjaġġar lejn il-pajjiżi tal-Ewropa. Intant, il-Ġermaniżi huma avżati biex ma jżurux lir-Renju Unit dment li l-Gvern ta’ Londra jibqa’ jinsisti għal erbatax-il jum kwarantina għall-barranin li jaslu fl-artijiet tiegħu.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Berlin qal li l-Gvern, minflok it-twissija dwar l-ivvjaġġar, se joħroġ pariri dwar ‘destinazzjonijiet individwali’ li jibbażaw fuq kriterji bħar-rati ta’ infezzjoni lokali u sistemi għall-kura tas-saħħa. Iżda t-‘travel warning’ għadu effettiv għal xi pajjiżi li jinkludu t-Turkija.

L-Awstrija qed tħejji biex ittemm il-miżuri tas-saħħa riġidi relatati mal-Covid-19 mal-fruntieri tagħha. Dan japplika għall-Istati ġirien kollha, ħlief l-Italja – bil-viżitaturi mill-Ġermanja, Liechtenstein, l-Iżvizzera, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija mhumiex se jiffaċċjaw miżuri ta’ kwarantina.Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak, Alexander Schallenberg, qal li ‘l-istatistika tal-pandemija relatata għall-Italja ma tippermettix, għalissa, biex il-miżuri speċifiċi jitneħħew  għal dan il-pajjiż’.

Ir-Russja rappurtat qrib id-9,000 infezzjoni ġdida mill-Covid-19 u 180 mewta oħra – bl-432,277 każi ta’ infezzjoni f’artha jkunu t-tielet l-ogħla fid-dinja. L-awtoritajiet Russi qalu li l-maġġoranza tal-każi kienu rappurtati f’Moska u r-reġjun tal-madwar, kif ukoll fil-belt ta’ San Pietruburgu.

F’Iżrael, kważi 7,000 student u għalliema jinsabu fi kwarantina, b’aktar minn 40 skola tagħlaq il-bibien wara li feġġew diversi każi ġodda tal-Covid-19. Iżda minkejja l-aħħar ċifri (uffiċjali) inkwetanti, il-Gvern iddeċieda biex l-iskejjel u l-kumplessi tal-kindergarten, għalissa, jibqgħu miftuħin ‘b’mod ġenerali’.

Anders Tegnell, l-epidemjoloġista ewlieni tal-Iżvezja, ammetta li ‘mietu wisq nies bil-Covid-19’ fil-pajjiż. L-Iżvezja hi fost il-ftit Stati Ewropej li ma imponewx lockdown strett fil-kriżi u Tegnell qal li ‘kieku pajjiżu, fil-bidu, kellu jiffaċċja l-kriżi bl-istess għarfien tallum, x’aktarx kien jaddotta uħud mis-sistemi li laħaq implimenta u sistemi oħrajn adottati mill-bqija tad-dinja’.

Iċ-Ċina  ċaħdet kategorikament rapport li jinsisti li l-awtoritajiet f’Beijing ‘żammew lura’ milli jaqsmu l-informazzjoni dwar il-Covid-19 mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).  Il-kelliema f’Beijing irrifjutaw kull diskors dwar ‘dawmien sinifikanti’ miċ-Ċina u dwar ‘il-frustrazzjoni kbira’ fost l-uffiċjali tal-WHO, bħalma qed jgħid ir-rapport tal-Associated Press (AP).

Skont l-AP, ‘iċ-Ċina baqgħet titnikker aktar minn ġimgħa minflok ma produċiet il-mappa ġenetika tal-coronavirus ġdid’ — bl-akkuża tibbaża fuq diversi ‘dokumenti interni u għexieren ta’ intervisti’ mill-aġenzija tal-aħbaraijiet.

Ir-rapport jirreferi għall-‘kuntrast’ mal-istqarrijiet pubbliċi tal-WHO, dak iż-żmien, meta din faħħret kemm-il darba r-reazzjoni taċ-Ċina rigward il-virus, bil-WHO anki jirringrazzja lill-Gvern komunista f’Beijing ‘talli ma tilifx iż-żmien biex jaqsam id-data mill-mappa ġenetika mal-kumplament tad-dinja’.