Internazzjonali

Covid-19: L-Italja tiftaħ mill-ġdid għat-turiżmu, fost arja ta’ kawtela

L-Italja, wara l-ġimgħat konsekuttivi ta’ lockdown, qed tiftaħ mill-ġdid il-fruntieri tagħha għat-turisti li ġejjin minn diversi pajjiżi tal-Ewropa.

Dan waqt li – madwar l-Ewropa – daħlu fil-fażijiet il-ġodda numru ta’ programmi biex jintnaqqsu r-restrizzjonijiet tal-lockdowns preċedenti li kienu dovuti għall-firxa tal-pandemija qattiela tal-Covid-19.

Sadanittant, fl-Italja, ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar fuq aspett lokali wkoll qegħdin jitneħħew bil-mod, il-mod, b’dan ifisser li n-nies se jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr xkiel minn reġjun għall-ieħor (fil-pajjiż).

Meta, jiem ilu, kien ħabbar il-pjani għat-tnaqqis fil-lockdown u r-ritorn lejn ħajja aktar flessibbli fl-Italja, il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, ammetta li ‘il-pajjiż huwa konxju mill-element tas-sogru involut li qed jibbaża fuq il-kalkoli li jirriflettu dawn iċ-ċirkustanzi’.

Fl-istess ħin, Conte ma eskludiex il-possibbiltà li ‘titla’ mill-ġdid il-kurva tal-infezzjonjiiet mill-coronavirus’ – għalkemm sostna li l-pajjiż irid jaċċetta din il-possibbiltà għaliex ma jaffordjax li jibqa’ fi stat ta’ limbu u staġnar wara daqstant ġimgħat diffiċli.

L-industrija tat-turiżmu hi mill-aktar importanti għall-ekonomija tal-Italja u spiċċat ‘kompletament mejjet’ waqt l-eqqel tal-kriżi tal-Covid-19, bejn Marzu u x-xahar li għadda.

Madankollu, l-affarijiet f’dan is-settur mistennija jingħataw rankatura fil-ġranet li ġejjin, b’numru ta’ attrazzjonijiet turistiċi – fosthom il-famuż monument tal-Kolossew, f’Ruma – qegħdin jilqgħu t-turisti mill-ġdid.

L-Italja kienet fost l-agħar pajjiżi tal-Ewropa li ġarrbu impatt qattiel u diżastruż mill-infezzjonijiet tal-Covid-19. Filwaqt li r-reġjun tal-Lombardija dam żmien ‘ankrat fl-eqqel tal-kriżi’, l-Italja, fuq livell nazzjonali, ikkonfermat ‘il fuq  minn 230,000 każ ta’ infezzjoni u madwar 33,500 mewta relatati għall-coronavirus.

  •