Lokali Parlament

Fl-aħħar…il-gvern iwieġeb dwar iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Libja

Wara diversi interpellanzi parlamentari mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, illum il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo wieġeb mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami dwr iż-żjara riċenti li l-Prim Ministru Robert Abela għamel fil-Libja.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa dwar x’kien miftiehem b’mod konkret bejn Malta u l-Libja waqt iż-żjara li għamel il-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħat.

Hu staqsa wkoll x’inhi l-pożizzjoni tal-immigranti li qed jinżammu fuq id-dgħajjes fuq il-baħar u x’eżerċizzju sar biex ikun speċifikat li dawn id-dgħajjes jistgħu jilqgħu nies fuqhom li ilhom fuqhom għal xahrejn, dwar f’liema ibħra dawn jistgħu jospitaw lil dawn il-persuni u jekk kienx hemm żviluppi dwar il-każ.

Il-Ministru Bartolo qal li ż-żjara fi Tripli kienet ppreparata minn qabel u l-ewwel inizjattivi mal-Libja ma kellhomx relazzjoni mal-immigrazzjoni. Hu qal li fil-Libja hemm miljun persuna, mis-7 miljuni li jgħixu fil-Libja, li għandhom bżonn l-għajnuna. Hemm bżonn €101 miljun għal-Libja iżda nġabru biss €5 miljuni. Il-Gvern Malti jrid Libja magħquda u tgħix fil-paċi.

Hu qal li fil-Libja kienu diskussi s-sitwazzjoni fil-Libja u l-kontribut li tista’ tagħti Malta biex jitwaqqaf il-ġlied bejn il-fazzjonijiet. B’kollox ġew Malta iktar minn 1,600 immigrant; “allaħares tibqa’ din ix-xejra”, sostna l-Ministru Bartolo, li kompla li fil-Libja kienu diskussi l-possibbiltajiet li jitnaqqsu d-dgħajjes.

Kien deċiż li jsir ċentru f’Malta u fil-Libja biex jikkoordina l-ħidma bejn iż-żewġ naħat iżda hemm ħafna iktar li jrid isir.

Id-deputat Nazzjonalista David Thake staqsa għaliex ma kienx hemm media għall-vjaġġ fil-Libja u dwr ir-rapport li dgħajjes kienu sfurzati mill-FAM li jibqgħu jsalpaw lejn l-Italja.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li kien ikun irresponsabbli li l-Gvern jieħu miegħu l-emdia minħabba li l-Libja hi żona ta’ gwerra. Mhux l-ewwel darba li jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-Italja u Malta dwar fejn għandhom jispiżaw id-dgħajjes tal-immigranti minħabba interpetazzjonijiet differenti tal-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici staqsa dwar il-ftehim li kien iffirmat mal-Libja u dwar l-isfrozi li qed isir minn Malta għall-paċi fil-Libja.

Il-Ministru Bartolo poġġa l-MOU bejn Malta u l-Libja u qal li jekk l-UE ma tieħux azzjoni qed tagħmel lilha nnifisha irrilevanti. Hu diżappunt li l-Libja ma titlax fl-aġenda tal-Kunsill tal-UE, sostna l-Ministru Evarist Bartolo.