Festi Kultura Lokali

Għaqda Festi Esterni Santissima Trinita Marsa tibqa’ f’kuntatt mal-poplu

Din is-sena minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti li ma jippermettux la l-ftuħ tal-knejjes għall-quddies qabel is-Sibt 13 ta’ Ġunju u lanqas attivitajiet tal-massa, l-Għaqda xorta ħasset li għandha tkun pijuniera sabiex dak li jiġri fil-knisja parrokkjali jasal għand il-poplu Marsi!

Dan ilha tagħmlu minn qabel il-festi tal-Għid il-Kbir billi tagħti livestreaming tal-Quddies u l-funzjonijiet permessi li jsiru fil-knisja, sintendi s’issa bil-bibien magħluqa.

Dan il-kuntatt mal-membri u mal-poplu issa se jintensifika ruħu matul din il-ġimgħa. Il-Proġramm virtwali jinkludi x-shows tan-nar tal-aħħar snin li se jkun mifrux fuq is-serati tal-Erbgħa u l-Ġimgħa, trasmissjoni tal-Marċ Tradizzjonali tat-Tieni Jum tat-Tridu li se jintwera l-Ħamis u dak tal-Marċ il-Kbir tas-Sibt li se jintwera s-Sibt.

Barra minn dan is-Sibt fis-6:00pm. se jinħaraq in-nar biex ifakkar fit-transulazzjoni li din is-sena ma tistax issir. Il-Ħadd, Jum is-Sollennita` tat-Trinita` Qaddisa, fl-10:00am. l-Għaqda, flimkien mal-istazzjon Xejk, se jkunu qegħdin ixandru l-Quddiesa Ewlenija tal-Festa, u fis-6:00pm. Adorazzjoni u Barka Sagramentali mis-SantissimaTrinia` li jagħlqu l-festi esterni permessi bħalissa.

L-għaqda tagħlaq il-festa 2020 billi fid-9:00pm. se jittella’ spettaklu tan-nar li jinkludi lampjuni, murtaletti, murtali tal-kulur u blalen.