Edukazzjoni Lokali

Ħarġa ġdida ta’ Il-Malti

L-Akkademja tal-Malti flimkien mal-Klabb Kotba Maltin ħarġet l-edizzjoni numru 91 tar-rivista IlMalti, il-ħarġa letterarja għas-sena 2018. Din l-edizzjoni hija editjata minn Dr Josette Attard.

Flimkien ma’ Dr Attard, kien hemm ukoll bord magħmul minn Phyllis Debono, Patri Norbert Ellul Vincenti u Marlene Saliba li ħadu ħsieb l-għażla finali tax-xogħlijiet li ġew ippubblikati.

Fl-editorjal, l-editriċi kkummentat fuq il-varjetà tax-xogħlijiet li qed ikunu ppubblikati fil-ġabra msemmija kif ukoll il-varjetà ta’ stili letterarji. Dr Attard appellat biex iktar nisa jersqu ’l quddiem u jippreżentaw il-letteratura tagħhom.

Ix-xogħlijiet f’din il-ġabra jinqasmu fi tlieta – poeżija, proża u traduzzjonijiet. Il-poeti inklużi f’din ilġabra huma Geoffrey G. Attard, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Charles Casha, Louis Briffa, John Caruana, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Claudia Gauci, Jane Micallef, Manwel Schembri, Immanuel Mifsud u Therese Pace.

L-awturi li ppreżentaw il-proża f’din il-ħarġa ta’ Il-Malti huma Charles Casha, Victor Fenech, Alex mizzi, Jane Micallef, Therese Pace, Rita Saliba, Joseph Vella u Trevor Zahra filwaqt li xogħlijiet tattraduzzjoni saru minn Toni Aquilina, Manwel Cutajar, Sergio Grech, Therese Pace, Yana Psaila, Kevin Saliba. Ivan Said, Salv Sammut u Paul Zahra.

Max-xogħlijiet letterarji msemmija jiżdied ukoll obitwarju dwar Pawlu Mizzi, il-fundatur tal-Klabb Kotba Maltin miktub minn Sergio Grech. Din l-edizzjoni ta’ Il-Malti hija ddedikata lill-membri tal-Moviment Qawmien Letterarju. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-Akkademja tal-Malti: https://akkademjatalmalti.org/