Futbol Sport

Id-dati u l-linji gwida maħruġa mill-Gvern jagħtu raġun lill-Eżekuttiv – Malta Football Association

Il-Malta Football Association ħarġet stqarrija dwar l-aħħar dati u linji gwida maħruġa mill-Gvern illum dwar ir-ritorn tat-taħriġ u l-logħob kompetittiv marbut mal-isport tal-kuntatt. “Id-data tal-15 ta’ Lulju biex jirritorna l-isport kompetittiv tagħti raġun lid-deċiżjoni unanima li saret mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA biex jittermina l-kompetizzjonijiet għall-istaġun 2019/20,” qalet l-MFA.

L-assoċjazzjoni qalet li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali kellhom sal-25 ta’ Mejju biex jikkomunikaw lill-UEFA d-deċiżjoni b’rabta mat-tkomplija jew it-tmiem tal-kompetizzjoni. Sat-3 ta’ Ġunju, il-Gvern u l-awtoritajiet tas-Saħħa ma kienu taw l-ebda mira uffiċjali ta’ data meta l-attivitajiet setgħu jitkomplew.

L-MFA kompliet li d-data tal-15 ta’ Lulju biex jirritorna l-isport kompetittiv kien jagħmilha impossibbli biex il-Kampjonat Premier u l-FA Trophy jintemmu sal-20 ta’ Lulju, li hi d-data imposta mill-UEFA biex jagħtuhom l-ismijiet tal-erba’ timijiet li se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet tagħha.

L-istqarrija tal-MFA kompliet li issa se tkun qed tibda l-preparazzjoni għall-istaġun li ġej. Illum tlaqqa’ l-Kumitat tad-Djalogu Soċjali filwaqt li t-Tnejn li ġej hi skedata laqgħa tal-Kunsill tal-MFA.