Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Il-ġenituri tħallew fil-għama dwar iċ-childcare u t-teleworking

Tissokta l-inċertezza wara dak li qal il-Prim Ministru nhar it-Tnejn, tant li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti li jattendu Skejjel Statali permezz ta’ stqarrija insistiet li ġenituri-ħaddiema li qed jgħinu fit-tagħlim ta’ uliedhom minħabba l-għeluq tal-iskejjel, ma għandhomx ikunu mistennija jirritornaw fiżikament fuq il-post tax-xogħol nhar il-Ġimgħa li ġej.

U dan minkejja li l-Prim Ministru nnifsu saħaq li l-ħaddiema kollha huma mistennija jirritornaw għax-xogħol.

L-Assocjazzjoni esprimiet it-tħassib taghha dwar il-mod li bih il-Gvern mhux jipprovdi linji gwida ċari u l-ġenituri qed jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom, ghaliex min iħaddimhom qed jistennihom lura x-xogħol jumejn oħra.

L-Assoċjazzjoni li tirraprezenta l-ġenituri qalet li fid-dawl tal-fatt li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa tmiem is-sena skolastika, xi ħaġa li hi taqbel magħha, qed tappella lill-gvern biex jiżgura li ġenituri li bħalissa qed jagħmlu home-schooling ta’ uliedhom, u li għandhom arranġamenti ta’ telework ma’ min iħaddimhom, jibqgħu bl-għażla tat-teleworking.

Min-naħa l-oħra, ġenituri li ma għandhomx telework u li qed jassistu fit-tagħlim virtwali ta’ uliedhom, ma għandhomx ikunu mistennija jmorru lura fuq il-post tax-xogħol qabel jibda jingħata s-servizz ta’ SkolaSajf jew Klabb 3-16 fl-1 ta’ Lulju.

Intant fl-istess stqarrija l-ġenituri kkonfermaw li sa issa għadhom ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-protokolli ta’ saħħa u sigurtà li se jintużaw fiċ-ċentri ta’ Skola Sajf, fiċ-Child Care Centres, u anke Klabb 3-16. Din l-informazzjoni hi kruċjali biex il-ġenituri jieħdu deċiżjoni infurmata.