Sport Waterpolo

Il-Kampjonat tas-Sajf se jibda fil-21 ta’ Lulju wara li tintemm l-Enemed Cup

(Ritratt: Martin Agius)

L-istaġun tas-sajf tal-Waterpolo se jibda uffiċjalment fil-15 ta’ Lulju bit-tkomplija tal-aħħar fażi tal-Enemed Cup filwaqt li l-Kampjonat tas-Sajf se jibda fil-21 ta’ Lulju. Dawn id-dati setgħu jsiru possibbli wara l-aħħar dati li tħabbru mis-Segretarju Parlamentari u SportMalta. It-taħriġ b’kuntatt jista’ jkompli mill-1 ta’ Lulju u l-partiti se jintlagħbu bil-bibien magħluqa, bit-tama tal-ASA hi li l-ispettaturi jkunu jistgħu jidħlu waqt li jkun għaddej il-kampjonat jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna titjieb. Mhux eskluż li xi logħbiet jixxandru b’mod dirett fuq it-televiżjoni. Hu previst li l-Kampjonat tas-Sajf jintemm fl-14 ta’ Ottubru.

Il-format tal-Kampjonat tas-Sajf se jkun l-istess bħas-sena li għaddiet, jiġifieri r-rawnd Preliminari li fihom it-timijiet ikunu maqsuma f’żewġ gruppi. Wara li kulħadd jilgħab kontra xulxin fil-grupp, l-ewwel tlieta minn kull grupp ikomplu l-istaġun fil-Kampjonat Premier filwaqt li t-timijiet l-oħra jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni. Wara żewġ rawnds fil-kampjonati rispettivi jintlagħbu l-play-offs, bil-finali tintlagħab fuq tliet logħbiet.

Il-Kampjonat tas-Sajf ta’ din is-sena se jkun żgur differenti minn tal-aħħar snin għaliex minbarra li se jibda aktar tard, mhux se jkollu plejers barranin minħabba l-imxija tal-Covid-19. Dwar il-kampjonati taż-żgħażagħ, l-ASA se tkun qed torganizzahom fil-Pixxina Nazzjonali tal-anqas fil-bidu sakemm ikollhom l-awtorizzazzjoni li jistgħu jsiru b’mod normali.

It-tielet edizzjoni tal-Enemed Cup kienet waslet fl-aħħar stadji tagħha. F’din l-edizzjoni kienu qed jilagħbu sitt timijiet u sakemm waqfet il-kompetizzjoni, kull tim kien lagħab erba’ logħbiet. San Ġiljan kienu jinsabu fil-quċċata bi 12-il punt, segwiti minn Exiles b’9 punti, Sirens u Sliema b’6 punti, Neptunes bi 3 punti u Marsaskala mingħajr punt.

Kien għad jonqos li jilagħbu Sliema Frank Salt v Marsaskala Fish and Fish, Sirens Greentube v Exiles Elia Caterers u Neptunes Leo Vegas v San Ġiljan TUM Invest. Wara dawn il-logħbiet, jintlagħbu s-semifinali tal-play-offs, bl-ewwel tim ikklassifikat jilgħab kontra min spiċċa r-raba’ filwaqt li t-timijiet li jtemmu l-ewwel fażi t-tieni u t-tielet jilagħbu kontra xulxin. Ir-rebbieħa tas-semifinali jikkontestaw il-finali għar-rebħ tal-Enemed Cup.