Ambjent Lokali

Il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent mhedda mill-ġdid mill-pjanti riveduti – Moviment Graffitti

Fid-dawl tal-pjanti l-ġodda li ġew sottomessi mid-DB Group, Moviment Graffitti ħarġu stqarrijja jgħidu li huwa ċar li dawn il-pjanti bl-ebda mod ma jindirizzaw it-tħassib dwar l-impatt negattiv enormi li dan il-proġett propost fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS se jħalli fuq il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent.

Moviment Graffitti saħqu li l-bidliet li hemm fil-pjanti riveduti jinkludu tnaqqis żgħir fl-għoli tat-torri imma ebda bidliet sinifikanti fil-wisa’ u l-għoli massiċċ tal-lukanda. Huma nnotaw li t-tħassib tar-residenti dwar li se jkunu “midfunin ħajjin” jikkonċerna l-aktar din l-istruttura mostruża tal-lukanda li, minħabba l-għoli kkumbinat mal-wisa’ enormi tagħha, se tkun qed tidfen lill-lokalità u se twassal biex l-eluf ta’ residenti li jgħixu quddiemha jispiċċaw f’dalma permanenti. Xejn ma nbidel f’dan ir-rigward, qalu Moviment Graffitti.

L-istqarrijja maħruġa tkompli tgħid li lanqas m’hemm bidliet sinifikanti fin-natura tal-proġett u fl-attività li se jkun qiegħed joħloq. Bil-pjanti riveduti, Paceville xorta se jkun qed jinvadi lil Pembroke u s-Swieqi peress li l-proġett se jiġġenera attività kummerċjali kbira u bla waqfien f’żona li kienet iddisinjata mill-Gvern għall-skopijiet residenzjali. Huma komplew jgħidu li barra minn hekk, din l-attività se toħloq iktar pressjoni għal żvilupp kummerċjali simili f’Pembroke u s-Swieqi fil-futur qarib.  Il-proġett se jkompli wkoll ikun ta’ theddida għaż-żewġ siti ta’ Natura 2000 li hemm ħdejh kif ukoll għal Għar Ħarq Ħamiem, kemm waqt il-fażi tal-kostruzzjoni kif ukoll waqt li jkun qed jopera. 

Il-proġett tad-DB fuq is-sit fejn qabel kien hemm l-ITS f’Pembroke irċeva oppożizzjoni qawwija u kellu l-ikbar numru ta’ oġġezzjonijiet uffiċjali li qatt ġie rrekordjat. 5,000 persuna oġġezzjonat għall-ewwel applikazzjoni, u 6,000 persuna oġġezzjonat għat t-tieni proposta wara li l-Qorti rrevokat il-permess biex jibda l-bini, stqarru Moviment Graffitti. Huma rrikonoxxew li l-laqgħat mal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke wasslu għal pjanti riveduti b’iktar spazji miftuħa proposti, fost titjib ieħor, u għal pjan għall-iskavar rivedut. Iżda saħqu li l-proġett hekk kif propost f’dawn il-pjanti riveduti jibqa’ totalment sproporzjonat u barra mill-kuntest, u n-nies se jibqgħu jiġġieldu kontra din it-theddida għall-kwalità tal-ħajja u l-ambjent.

Il-pubbliku għandu sas-26 ta’ Ġunju biex joġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar kontra l-pjanti riveduti tad-DB u fil-jiem li ġejjin, Moviment Graffitti se jirreġistraw l-oġġezzjoni tagħhom u se jinfurmaw lill-pubbliku dwar kif jista’ joġġezzjona kontra dan il-proġett mostruż u ta’ dannu kbir, temmet tgħid l-istqarrija ta’ Moviment Graffitti.